Futbol Sport

L-MFA interessata fil-kowċ ta’ taħt l-20 sena tal-Italja

Il-possibbiltà li Nunziata jsir Il-kowċ ta’ Malta hija baxxa ħafna……

Il-paġna uffiċjali tal-programm Replay żvelat li Carmine Nunziata hu l-ewwel preferenza tal-MFA għal kowċ nazzjonali ġdid minflok Devis Mangia, iżda l-ingaġġ tiegħu jaf ma jkunx possibli.

Replay jista’ jikkonferma li fil-jiem li għaddew, Nunziata kien f’pajjiżna u saħansitra kellu laqgħa mal-għola uffiċjali tal-assoċjazzjoni Maltija dwar il-possibiltá li hu jsir kowċ ta’ Malta. Wieħed jifhem li Nunziata hu interessat f’dan ir-rwol, iżda x-xenarju preżenti jagħmilha diffiċli biex hu jaċċetta u jsir kowċ nazzjonali b’seħħ immedjat. Dan għaliex f’Awwissu li għadda, Nunziata kien magħżul kowċ tat-tim nazzjonali Taljan ta’ taħt l-20 sena.

Isem Nunziata jaf m’huwiex isem ta’ kowċ Taljan li kulħadd sema’ biħ f’Malta, l-istess kif wara kollox kien isem Mangia f’pajjiżna fl-2019, meta kien tħabbar bħala kowċ nazzjonali ġdid. Madankollu Nunziata jgawdi minn reputazzjoni kbira fl-Italja, tant li llu mill-2012 bħala wieħed mill-kowċis tal-FIGC fil-livell tat-timijiet nazzjonali taż-żgħar tal-Italja.

Saħansitra, bejn l-2012 u l-2013 serva bħala l-assistant ta’ Mangia, meta dan tal-aħħar kien kowċ tal-Italja ta’ taħt il-21 sena. Hu għalhekk li s-sorsi tagħna fi ħdan l-MFA, s’issa iddentifikaw lil Nunziata bħala l-kandidat preferut tagħha biex ikompli l-proġett ambizjuzz ta’ Mangia fiċ-Ċentru Tekniku f’Ta’Qali.

M’huwiex sigriet li bejn l-MFA u l-FIGC hemm relazzjoni tajba ħafna, għaldaqstant nifhmu li kwalunkwé diskussjonijiet li setgħu saru s’issa bejn l-MFA u Nunziata, dawn saru bil-barka tal-assoċjazzjoni tal-futbol Taljana. Jidher li fl-aħħar jiem, Nunziata xtar fit-tul l-offerta li saret lilu minn Malta, iżda m’huwiex lest li jaċċetta li jibda din l-esperjenza qabel Ġunju tas-sena.

Dan għaliex fix-xhur li ġejjin l-Italja ta’ taħt l-20 sena, se tkun qed tilgħab fil-finali tat-Tazza tad-Dinja ta’ din il-kategorija, li se tkun qed issir fl-Indonezja. L-iskwadra li preżentament qed imexxi Nunziata, hi waħda mill-ħames timijiet nazzjonali Ewropej li rrnexxilhom jiksbu post fost il-finalisti ta’ din il-kompetizzjoni fl-edizzjoni li se tkun qed tintlagħab bejn Mejju u Ġunju tas-sena d-dieħla.

Dan il-fatt joħloq problema biex Nunziata jsir kowċ ta’ Malta għaliex kif wieħed faċilment jista’ jifhem, l-MFA ma tistax tistenna tmien xhur oħra biex taħtar is-suċċessur ta’ Mangia fit-tmexxija tat-tim nazzjonali. Fiċ-ċirkostanzi preżenti, jista’ jagħti l-każ li l-MFA tħalli ż-żewġ partiti ta’ ħbiberija li se tilgħab fi ftit jiem oħra, jgħaddu biex tieħu deċiżjoni għal min se jkun il-kowċ, iżda żgur ma tistax ma tieħux deċiżjoni dwar l-isem il-ġdid tagħha qabel il-Milied.

Hu ovju li l-kowċ il-ġdid ta’ Malta, irid ikun beda’ jaħdem fir-rwol il-ġdid tiegħu qabel il-bidu tal-kompetizzjoni li jmissha tilgħab, dik tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Ewro 2024 u li tibda f’Marzu li ġej. Għaldaqstant wieħed jifhem li sakemm Nunziata mhux se jkun lest li jiċċaħħad milli jmexxi lit-tim nazzjonali ta’ pajjiżu fit-Tazza tad-Dinja ta’ taħt l-20 sena, fl-edizzjoni li jmiss, mhux se jkun il-kowċ il-ġdid ta’ Malta.