Edukazzjoni Lokali

L-MUT iċċanfar lill-Gvern minħabba dewmien

It-Tnejn filgħodu, l-Università ta’ Malta u l-Union tal-Għalliema ffirmaw ftehim kollettiv ġdid li jkopri lill-letturi tal-Junior College sal-aħħar tas-sena d-dieħla – ftehim kollettiv li kellu jieħu tliet snin u nofs sakemm ġie ffirmat.

Waqt id-diskors tiegħu qabel l-iffirmar, il-President tal-MUT ċanfar lill-Gvern għad-dewmien u nuqqas ta’ qbil minn naħa tiegħu; tant li fl-aħħar xhur u snin kien hemm bżonn diversi azzjonijiet industrijali.

“Tajjeb li niċċelebraw dan il-ftehim iżda tajjeb ukoll li ma ninsewx dak li kelna ngħaddu minnu biex wasalna s’hawnhekk,” qal Marco Bonnici. “Tliet snin u nofs ta’ negozjati huma twal wisq, negozjati fejn kien hemm ħafna qtigħ il-qalb, kien hemm ħafna tilwimiet, kien hemm nuqqas ta’ qbil, kien hemm azzjonijiet industrijali, u lista li ma tispiċċa qatt.”

Marco Bonnici qal li dan il-ftehim, issa, irid jagħti lura dak li ma ngħatax sa mill-2019.

“Tajjeb li jkolna impenn dejjem akbar u rispett lejn xulxin fin-negozjati,” qal Marco Bonnici. “Ma jistax ikolna negozjati li ma jispiċċaw qatt bit-tkaxkir tas-saqajn, jew laqgħat li finalment, xahar wara l-ieħor, ma jwasslu għall-ebda riżultat.”

B’Marco Bonnici jgħalaq id-diskors tiegħu billi appella biex ‘il quddiem, ftehim li wara kollox l-għan tiegħu hu li jtejjeb il-pakkett finanzjarju u jagħti rikonoxximent lil-letturi, ma jieħux daqshekk fit-tul biex jintlaħaq.

“Nawgura li meta nerġgħu niġu għan-negozjati ta’ ftehim ġdid, l-ispirtu ta’ diskussjonijiet ikun differenti għal dak li kien f’dawn l-aħħar snin,” qal Marco Bonnici.

Intant, permezz ta’ dan il-ftehim ġ…ie rikonoxxut il-Masters in Teaching and Learning bħala kriterju fir-reklutaġġ ta’ Assistant Lecturer, Lecturer, u Senior Lecturer I fil-Junior College.

Il-ftehim jaħseb ukoll biex ikun hemm tnaqqis fis-snin ta’ servizz meħtieġa biex l-istaff akkademiku tal-Junior College jipprogressa minn Assistant Lecturer għal Lecturer kif ukoll għal Senior Lecturer 1.