Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Christian Falzon Scerri f’żewġ digrieti li tat b’mod separat caħdet it-talbiet tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u l-Ispettur tal-Pulizija Pauline D’Amato biex ma jitilgħux jixhdu fis-seduta skedata għal għada t-8 ta’ Novembru fil-kawża ta’ Repubblika kontra l-Avukat Ġenerali. Il-Qorti qalet li kif jista’ jkun hemm skrutinju jekk l-AĠ ma tixhidx. Il-kawża li qed issir minn Repubblika dwar l-allegat aġir skorrett ta’ Victoria Buttigieg.
Il-kawża hija fuq il-Bank Pilatus rigward l-aġir tal-AĠ biex ma tmxxiex kontra uffiċjali għolja tal-bank. Minbarra tal-AĠ l-Imħallef ċaħad ukoll rikors ippreżentat minn Spettur tal-pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni tar-Reati Finanzjarji (FCID) li kienet talbet lill-qorti biex ma tixhidx f’każ dwar in-nuqqas tal-pulizija biex iressqu uffiċjali għolja fil-Bank Pilatus.
Il-Qorti għaldaqstant ikkonfermat l-ordni tagħha tal-10 ta’ Ottubru biex l-Avukat Ġenerali u l-Ispettur D’Amato jixhdu fis-seduta ta’ għada. It-talba f’rikors li għamlet l-Avukat Ġenerali u l-Ispettur D’Amato saru nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Novembru, qrib wisq tas-seduta tat-8 ta’ Novembru, 2022 u għalhekk anke minħabba li hemm is-Sibt u l-Ħadd fin-nofs, ma kienx ħa jkun hemm biżżejjed żmien għan-notifika tar-rikors.
Allegata ordni minn Victoria Buttigieg biex ma tmxxiex kontra s-sid uffiċjali tal-Bank Pilatus
Repubblika, permezz tal-avukat tagħha Jason Azzopardi, qed tallega li l-AĠ Victoria Buttigieg kienet ħarġet dik li hi magħrufa bħala nolle prosequi – ordni biex ma ssirx prosekuzzjoni – fil-konfront tas-sid tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad, is-superviżur tal-operat tiegħu Luis Rivera, id-direttur tal-bank Ghambari. Hamidreza u l-uffiċjal tal-bank Mehmet Tasli.
Fl-10 ta’ Ottubru, l-Imħallef Christian Falzon Scerri kien laqa’ t-talba tar-Repubblika biex tordna lill-Ispettur tal-pulizija Pauline D’Amato u anke l-AĠ biex jixhdu, bl-Ispettur kellha tesibixxi l-istruzzjonijiet kollha, kif ukoll kull korrispondenza skambjata bejn l-FCID u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dwar dak li kien qed jingħad li l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, ħarġet ordni biex ma jitressqux uffiċjali għolja tal-Bank Pilatus.
Il-Qorti kienet ordnat lill-Ispettur tal-FCID biex tidher il-qorti biex jagħti l-isfond u l-kuntest wara t-talbiet għal Mandati ta’ Arrest internazzjonali u Ewropej li hija kienet ressqet quddiem il-maġistrat inkwirenti Ian Farrugia fi Frar 2021. Il-Qorti ordnatha tesebixxi kopji tal-mandat internazzjonali jew Ewropew. Mandati ta’ Arrest waqt is-seduta tax-xahar id-dieħel.
L-imħallef ordna wkoll lill-Ispettur biex tagħti rendikont dirett lill-qorti tal-azzjoni meħuda mill-FCID minn Diċembru 2020 sa Ġunju 2022, wara l-konklużjoni tal-inkjesta maġisterjali fil-bank. Huwa kien ordna li kopja tar-rikors u d-digriet li jirriżulta, li jordnaha tattendi, jingħataw personalment lill-ispettur.
L-Ispettur D’Amato kienet ippreżentat rikors tard wara nofsinhar tal-4 ta’ Novembru, fejn talab lill-qorti tirrevoka d-digriet tal-10 ta’ Ottubru. L-Imħallef irrimarka li ma kienx ordna li r-rikors jiġi nnotifikat lill-avukat ta’ Repubblika għax ġie ppreżentat qrib wisq tas-seduta, li hija skedata għat-8 ta’ Novembru. Ir-rikors tal-AĠ kien ippreżentat ukoll dak inhar u kważi fl-istess ħin.
“Tassew, meta wieħed jinnota li t-taħrika kienet ħarġet fl-10 ta’ Ottubru 2022. l-Ispettur D’Amato u anke l-AĠ messhom ħasbu biex jippreżentaw din l-applikazzjoni qabel u mhux fl-aħħar minuta,” qal Falzon Scerri. It-taħrika kienet ħarġet fis-26 ta’ Settembru u ġħalhekk wieħed ma setax jifhem dan id-dewmien.
Fir-rikors tagħha, l-ispettur tal-FCID kienet sostniet li l-Kodiċi Kriminali stabbilixxa li ħadd ma jista’ jitlob li kopja ta’ dawn id-dokumenti tiġi esebita fil-qorti mingħajr il-permess tal-Avukat Ġenerali. “Għalkemm dan kollu huwa minnu, madankollu, is-sens komun jiddetta li dawn l-artikoli tal-liġi ma japplikawx meta jkunu l-azzjonijiet tal-Avukat Ġenerali stess li qed jiġu investigat… għalhekk huwa ovvju li din it-taqsima ma tistax tiġi invokata biex twaqqaf lil din il-qorti milli twettaq dmirijietha,” qal l-Imħallef.
Il-Qorti twaqqa’ l-argument tal-AĠ
Għalhekk l-argument li l-Avukat Ġenerali ma tistax tixhed jew tippreżenta dokumenti li għandhom x’jaqsmu ma’ ordnijiet biex ma jittieħdux passi kriminali ġiet skreditata mill-Qorti li qalet li dan l-argument u tali oġġezzjoni hija waħda li ma tinftiehem xejn.
“L-azzjoni li għandha quddiemha din il-qorti ma saritx taħt il-Kodiċi Kriminali iżda saret taħt l-artikolu 469B(1)(a) tal-Kodiċi ta’ Proċedura u Organizzazzjoni Ċivili, li jgħid li l-qorti ċivili tista’ tintalab tistħarreġ deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li ma ssirx prosekuzzjoni”, qal l-Imħallef.
Il-Qorti qalet li f’dan il-każ f’dan il-każ, ma hemm l-ebda xkiel fil-liġi li jżomm lill-Avukat Ġenerali milli tixhed quddiem il-qorti biex jagħti kont ta’ għemilha. Kemm hu hekk, l-artikoli tal-Kodiċi Kriminali msemmija mill-Avukat Ġenerali mkien ma jgħidu li l-Avukat Ġenerali m’għandhiex tixhed f’azzjoni miġjuba taħt l-artikolu 469B(1)(a) tal-Kodiċi ta’ Proċedura u Organizzazzjoni Ċivili.
Anzi kien ikun tabilħaqq stramb ħafna li kieku kien hemm artikolu li jgħid hekk, għaliex x’tip ta’ stħarriġ ġudizzjarju jista’ jsir minn din il-qorti, jekk l-Avukat Ġenerali ma tipprovdi l-ebda tagħrif?. Fuq kollox, din il-qorti qiegħda tifhem li f’dan il-każ Repubblika bilfors riedet tħarrek lill-Avukat Ġenerali sabiex tixhed jekk ħaditx deċiżjonijiet li ma ssirx prosekuzzjoni minħabba li l-istess Avukat Ġenerali ħalfet fir-risposta tagħha, li biha kkontestat il kawża mnedija minn Repubblika.
Il-Qorti tkun tista’ tiddeċiedi aħjar jekk l-AĠ tixhed
Dan kollu jkompli jseddaq il-fehma tal-qorti biex b’hekk tkun f’qagħda li tiddeċiedi aħjar din il-kawża, li l-Avukat Ġenerali tixhed u tgħid jekk hija ħarġitx ordnijiet li ma jsirux prosekuzzjonijiet jew le. L-ewwel oġġezzjoni tal-Avukat Ġenerali għalhekk qiegħda tiġi miċħuda;
It-tieni oġġezzjoni mressqa mill-Avukat Ġenerali biex ma tixhidx tinsab imsejsa fuq il-fatt li qed jiġi allegat li hemm xi proċeduri ta’ arbitraġġ internazzjonali fl-ICSID (International Centre for Settlement of Investmen Disputes kontra Malta li jolqtu din il-kwistjoni.
Fl-atti tal-kawża iżda ma nġiebet l-ebda ordni jew deċiżjoni li żżomm lil din il-qorti milli tkompli b’din il-kawża. Għalhekk sakemm ma tinġiebx kopja formali u awtentika ta’ deċiżjoni mogħtija minn xi organu ġudizzjarju internazzjonali li ordnat il-waqfien ta’ dawn il-proċeduri, din il-qorti ma tistax twaqqaf dawn il-proċeduri.
L-aħħar oġġezzjoni mogħtija mill-Avukat Ġenerali hi li skont l-artikolu 518 tal Kodiċi Kriminali u l-artikolu 637(5) tal-Kodiċi ta’ Proċedura u Organizzazzjoni Ċivili ma jistax jintalab ħlief bil-permess tal-Avukat Ġenerali, l-esibizzjoni ta’ proċessi verbali, atti ta’ kompilazzjoni, jew dokumenti oħra dwar affarijiet kriminali, jekk il-proċess verbal, atti ta’ kompilazzjoni, jew dokument ma jkunux iddepożitati fir-reġistru.
Huwa sens komun li dawn l-artikoli ma jistgħux jgħoddu meta jkun qiegħed jiġi mistħarreġ l-għemil tal-Avukat Ġenerali nnifsu. Billi f’din il-kawża, Repubblika qiegħda titlob lil din il-qorti sabiex tistħarreġ appuntu l-għemil tal-Avukat Ġenerali, allura huwa ovvju li l-Avukat Ġenerali ma tistax tinqeda b’dan l-artikolu biex iżomm lil din il-qorti milli twettaq xogħolha.
Għaldaqstant għal dawn ir-raġunijiet, il-qorti qiegħda tiċħad ir-rikors tal-Avukat Ġenerali mressaq fl-4 ta’ Novembru, 2022 u tikkonferma l-ordni tagħha biex l Avukat Ġenerali Victoria Buttiġieġ tixhed fis-seduta li jmiss tat-8 ta’ Novembru, 2022.
Il-Qorti lanqas ma laqgħet l-argument taż l-ispettur li l-mandati ta’ arrest mitluba setgħu jiġu esebiti biss bil-permess ta’ qorti ta’ ġurisdizzjoni kriminali, qal l-imħallef, li rrimarka li din il-parti tal-liġi ma kinitx tapplika peress li ma kienx hemm proċeduri kriminali għaddejjin, għax l-Avukat Ġenerali ma kienx ipproċessa.
It-tieni bażi għall-oġġezzjoni tal-Ispettur biex tixhed kienet it-talba tagħha li kienu għaddejjin proċeduri ta’ arbitraġġ internazzjonali quddiem iċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim ta’ Investiment. Iżda l-imħallef innota li ma ġiet esebita l-ebda ordni jew deċiżjoni li żżommu milli jkompli b’dan il-każ.
“Għalhekk, sakemm ma tkunx kopja formali u awtentika ta’ deċiżjoni mogħtija minn organu ġudizzjarju internazzjonali, li tordna l-waqfien ta’ dawn il-proċeduri, din il-qorti ma tistax twaqqaf dan il-każ.” Waqt li ċaħdet iż-żewġ argumenti tal-Ispettur D’Amato, il-qorti kkonfermat l-ordni tagħha, u li bħal ma trid tagħmel l-AĠ+, l-Ispettur għandha tixhed fis-seduta tat-Tlieta 8 ta’ Novembru.
//= $special ?>