Lokali

Owen Bonnici ma jiċħadx li prova jinfluwenza

Ebda ċaħda mill-Ministru Owen Bonnici illi fl-aħħar jiem ċempel huwa stess lill-media sabiex jitfa’ influwenza fuq l-istejjer li kienu ħerġin dwar abbuż fl-Orkestra Nazzjonali – rapport li ma baqax aktar allegazzjoni, imma huwa fatt li dwaru kien hemm anke ammissjoni u sentenza tal-Qorti.

Fi stqarrija xotta li ħarġet il-Ħadd il-Ministru Owen Bonnici qal biss illi mhux veru li hu b’xi mod prova jaħbi. U fl-ebda ħin ma ċaħad illi hu personalment għamel kuntatt ma’ ġurnalista sabiex jipprova jillimita dak li kien qed jinkiteb dwaru u dwar din l-entità li taqa’ taħtu.

Il-verità hi, illi kien biss fil-punt meta l-allegazzjonijiet tressqu formalment bil-miktub fl-ittra ta’ riżenja, li twaqqaf board biex jinvestiga. U allura, dan il-bord ma twaqqafx mal-mument li fih waslet din l-informazzjoni għand il-Ministru.

Il-każ kompla jikber meta sar magħruf ukoll illi l-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali – l-eks kandidat Laburista Sigmund Mifsud – allegatament wettaq intraċċ tal-provi. U allura anke hu qed ikun akkużat li prova jindaħal biex jgħatti dak li seħħ.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra għadu qed jinżamm taħt arrest preventiv.

Fi tmiem il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista staqsa għaliex il-ministru Owen Bonnici baqa’ għal kollox sieket fuq dan il-każ, u kien biss wara li l-każ ħareġ fil-media illi qal li kien hemm investigazzjoni.

Staqsa wkoll jekk il-Prim Ministru Robert Abela hux komdu b’Ministru fil-kabinett tiegħu li ħeba akkużi ta’ fastidju sesswali, meta suppost ħa azzjoni mmedjata. U għalhekk il-Partit Nazzjonalista, insista li għandha tinġarr ir-responsabbiltà u l-Ministru jirriżenja.