Lokali Parlament

Proposti biex jgħinu lil dawk li jagħmlu fostering u jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali

Mark Anthony Sammut, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut ippropona fil-parlament proposti biex dawk il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali u jagħmlu fostering tat-tfal ikunu mgħejjuna b’mod dirett.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament Mark Anthony Sammut semma’ każ ta’ persuna f’akkomodazzjoni soċjali li tħallas kirja ta’ €65 kull tliet xhur f’kirja u li riedet tgħin billi tagħmel fostering ta’ tifel jew tifla. Din xtaqet li tgħin lil ħaddieħor mill-ftit li kellha billi tagħmel fostering ta’ tfal.

Għalhekk hi daħlet għal din l-isfida u esperjenza u ġabulha tifla ta’ sena li kellha kundizzjoni ta’ saħħa li kienet titlob kura li swiet €1,500 fi tliet xhur. Din il-mara spiċċat nefqet ħafna Illum din it-tifla tgħix ħajja normali. Il-foster parents jingħataw allowance €1,300 kull tliet xhur.

L-ispejjeż tal-mediċini ma jiġux rifondati, sostna Mark Anthony Sammut, li kompla li l-allowance li tieħu għall-fostering qed tkun ikkunsidrata fil-kuntest tal-kirja. Din il-persuna issa qed tħallas €930 fis-sena; għalhekk minn fuq li qed tagħti servizz lil din it-tifla, l-Istat qed jippenalizzaha.

Din hi inġustizzja kbira u għalhekk il-gvern għandu jassigura li dawn iż-żewġ aspetti jkunu riformati. Hawn madwar 250 li jiffosterjaw li ftit biss minnhom jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali u għalhekk forsi dawn il-proposti jiswew biss madwar €40,000 mill-budget ta’ €42 miljun li għandu dan il-ministeru.