Raġel mill-Eritrea jinsab fil-periklu tal-mewt wara li l-Ħadd spiċċa aggredit minn żewġ persuni fil-Marsa.
Kien fis-7:30pm meta l-Pulizija ġiet infurmata mill-Awtoritajiet tas-Saħħa li aktar kmieni kien iddaħħal raġel l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Pulizija bdiet mill-ewwel bl-investigazzjonijiet u irriżulta li r-raġel, li ġie identifikat li huwa Eritrean ta’ 34 sena u jgħix Ta’ Xbiex, kien ġie aggredit minn żewġ persuni b’arma li taqta’ u bil-ponta. Dan seħħ fi Triq Diċembru Tlettax, fil-Marsa.
Il-Pulizija kkonfermaw li l-aggressuri rnexxielhom jaħarbu mill-post.
Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja, waqt li qiegħda ssir tfittxija għall-aggressuri.