Lokali Qorti

11-il sena ħabs għal xufier ta’ Mini-Bus li stupra tifla ta’ tmien snin

Xufier ta’ Mini-Bus minn Ħal-Qormi ġie kundannat 11-il sena ħabs wara li nstab ħati li f’Ġunju ta’ 16-il sena ilu stupra tifla ta’ tmien snin diversi drabi. James Grech ta’ 40 sena kien wettaq dan ir-reat fuq tifla li kienet tattendi l-iskola primarja tal-Gżira.

Oriġinarjament huwa kien ġie kundannat 12-il sena ħabs imma l-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Giovanni Griscti, f’Jannar li għadda, bagħtet l-atti tal-każ lura biex tinstema’ x-xhieda tal-vittma quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Fil-Qorti, it-tifla rrakkontat seba’ episodji ta’ stupru u t’abbuż sesswali li saru kollha f’għalqa minn Grech, ix-xufier tal-vann.

Huwa kien iwassalha lura d-dar wara l-iskola. It-tifla żvelat fil-Qorti, li x-xufier kellu x’jaqsam magħha tliet darbiet, u li l-ewwel darba li messha b’mod indiċenti kien wara li ddeċidiet li ma tpoġġix aktar ħdejh wara li kien messilha saqajha. It-tifla qalet ukoll li qabel ma stupraha, fi tliet okkażjonijiet oħra, huwa qalilha tagħmel atti mmorali fuqu. 

It-tifla li llum hija mara ta’ 24 sena qalet ukoll li darba fost oħrajn waddabha n-naħa l-oħra tal-vann u ħarġilha d-demm minn ħalqha u minn mneħirha wara li bdiet tolfiq u tibki biex ma jagħmilha xejn. Qalet ukoll li t-tieni darba li stupraha, huwa taha anki daqqiet fl-istonku b’siequ.

Xhud importanti f’dan il-każ kienet omm il-vittma qalet li ndunat b’dak li kien qed jiġri lil bintha meta sabitilha djarju li fih kienet tniżżel l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-akkużat. Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Paula Ciantar qalet ukoll li tul l-iżvilupp tat-tifla u meta kellha 16-il sena beda jkollha ;’pseudo seizures’ u dan kellha l-ewwel relazzjoni maġuvni, riżultat ta’ dak li għaddiha minnu Grech.

Grech ma nstabx ħati li żamm lit-tifla kontra r-rieda tagħha. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Maġistrati qalet li x-xhieda tat-tifla għandha tiġi emmnuta għax dejjem kienet konsistenti fil-verżjoni tagħha. Ix-xhieda prodotti mid-difiża ma għamlu xejn minn dan. Illi ugwalment ma ġiex imwaqqa’ dak li ħareġ mix-xhieda tal-Psikjatra Joseph Cassar kif ukoll mill-espert Carmen Sammut a rigward l-oriġini tat-trawma tal-vittma u għalhekk ma ġiex ippruvat bl-ebda mod li -hija kellha xi trawma oħra.

Il-Qorti qalet ukoll li huwa aċċettabbli, speċjalment fi trawmi kbar, illi persuna forsi tiżbalja dettalji żgġar jew ma tiftakarhomx pero’ dawn id-dettalji ma jkunux ta’ tali importanza li jwaqqgħu l-verżjoni tal-persuna li tkun għamlithom.
Id-difiza argumentat illi l-verżjoni tal-vittma tant hi kkulurita illi hija vvintata.

Kif intqal mill-Psikjatra Joe Cassar u mill-Psikologa Carmen Sammut, it-tifla żżomm ħafna ġo fiha u għalhekk setgħet tiftakar id-dettalji kollha anke sal-mument tal-kontroeżami quddiem din il-Qorti. Illi appuntu tant żammet id-dettalji kollha ġo fiha illi hija ma rnexxilhiex tissupera din it-trawma sal-ġurnata tal-lum.

Il-fatt li -Omissis- ma kinitx qalet il-verita kollha fl-ewwel rapport lid-diriġenti tal-iskola tagħha ma jirrendix din ix-xhud anqas kredibbli għax il-Qorti tapprezza l-karattru u l-eta’ tal-persuna li riedet teħles mill-problemi li kellha. Apparti l-piena ta’ ħabs, il-Maġistrat Stafrace Zammit poġġiet lill-akkużat taħt ordni ta’ trażżin għal tliet snin u ordnatlu jħallas €500 fi spejjeż tal-Qorti.