Lokali

Bernard Grech jiffirma l-ktieb ta’ kondoljanzi ta’ Karmenu Mifsud Bonnici

It-Tlieta filgħodu l-Kap tal-PN Bernard Grech iffirma l-ktieb tal-kondoljanzi tal-eks Prim Ministru Laburista Karmenu Mifsud Bonnici fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.

Huwa kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino. Mal-wasla tagħhom huma ntlaqgħu mid-Deputat Laburista Randolph Debattista.

Fil-messaġġ tiegħu Bernard Grech sellem il-ħidma li għamel għal Malta Karmenu Mifsud Bonnici hekk kif kien bniedem li ħadem b’saħħa u determinazzjoni għal dak li emmen fih.

L-eks Prim Ministru ħalla din id-dinja s-Sibt li għadda fl-età ta’ 89 sena. Huwa kien it-tielet Prim Ministru fl-istorja ta’ pajjiżna, wara li Malta saret stat Indipendenti… u serva bħala Prim Ministru bejn l-1984 u l-1987.

Karmenu Mifsud Bonnici baqa’ attiv sas-snin riċenti….mhux biss fil-Qorti, iżda wkoll bil-ħidma tiegħu kontra d-dħul ta’ Malta fl-UE, u l-attiviżmu qawwi biex jinżamm ħaj l-ispirtu tas-Soċjaliżmu veru.