Sliema Wanderers 3-0 Żurrieq
Wara d-draw ta’ 2-2 kontra Swieqi United Sliema Wanderers irritornaw għal dak li kienu qed jagħmlu tul il-kampjonat s’issa u rebħu lil Żurrieq 3-0
B’din ir-rebħa Sliema żammew l-erba’ punti vantaġġ fuq Żejtun Corinthians f’ras il-klassifika meta issa għandhom 28 punt minn għaxar logħbiet.
Il-Wanderers, immexxija minn Paul Zammit fetħu l-iskor wara 13-il minuta minn penalty mogħti minn Mohamed Abdulahi Awad biex Lydon Micallef fit-23 minuta skorja t-tieni gowl ta’ Sliema bl-ewwel taqsima tintemm 2-0 favur il-Blues.
Bi Sliema Wanderers ikomplu jikkontrollaw il-partita mill-avversarji, Aidan Jake Friggieri ssiġilla rebħa ta’ 3-0 għal Wanderers b’gowl fid-79 minuta.
Mqabba 2-3 San Ġwann
San Gwann skorjaw darbtejn fil-ħin miżjud biex dawwru telfa f’rebħa u rritornaw għar-rebħ wara żewġ telfiet konsekuttivi.
Opportunita’ kbira wara biss tmien minuti għal Mqabba meta Melo Costa twaqqa’ fil-kaxxa iżda mill-11-il metru l-istess Melo Costa ra x-xutt tiegħu ikun salvat minn Spiteri. Wara din l-okkażżjoni għal Mqabba l-logħba żvolġiet għal ħinijiet twal b’ħafna logħob f’nofs il-grawnd u mingħajr wisq azzjonijiet
San Gwann kellhom iktar mil-logħob iżda resqu qrib biss fit-38 minuta b’azzjoni ta’ Sultana li minn qagħda angolata mpenja lil Mifsud. Ftit wara Melo Cota reġa’ kien perikoluż għal Mqabba iżda x-xutt fil-baxx tiegħu kien salvat minn Spiteri.
Fl-ewwel minuta tat-tieni taqsima Mqabba fetħu l-iskor meta f’attentat li jtajjar il-ballun, Andrew Xuereb xeħet fix-xibka tiegħu stess. Erba’ minuti wara azzjoni oħra ta’ Mqabba fejn Glen Pace deher imiss il-ballun b’idu, bir-referee jordna t-tieni penalty favur Mqabba. Reġa’ kien Melo Costa mill-11-il metru iżda din id-darba ma zbaljax b’xutt preċiż fil-baxx.
Fit-58 minuta indeċiżjoni fid-difiża ta’ Mqabba bil-goelkeeper kostrett jagħmel penalty fuq Oularbi u mill-11-il metru De Lcena Guariento ma żbaljax. San Gwann komplew jattakkaw u fil-91 minuta kisbu d-draw meta Adam Falzon skorja f’azzjoni konfuża quddiem il-lasta
Kien għad baqa’ għaliex żewġ minuti wara f’xita qalila, San Gwann kisbu l-gowl tar-rebħa drammatika permezz tas-sostitut Boubacar Kanta.
Fgura United 2-3 Naxxar Lions
Naxxar Lions kisbu rebħa drammatika grazzi għal daqqa ta’ ras ta’ Farias fit-93 minuta meta l-logħba dehret destinata għal draw ta’ 2-2. Naxxar kellhom bidu mill-aqwa meta skorjaw darbtejn fl-ewwel disa’ minuti iżda Fgura kellhom ritorn qawwi fit-tieni taqsima fejn kisbu d-draw u anki setgħu marru fil-vantaġġ, iżda fl-aħħar sekondi kienu ikkundannati għal telfa ħarxa.
Bidu brillanti minn Naxxar li fl-ewwel minuta fetħu l-iskor b’xutt bomba ta’ Cerqueira Farias. Il-Lions baqgħu jattakkaw u fid-disa’ minuta skorjaw it-tieni gowl, b’xutt ieħor mill-isbaħ mid-distanza din id-darba ta’ Blandon Rendon.
Wara dan il-bidu brillanti Naxxar naqqsu xi ftit mir-ritmu u Fgura bdew jidħlu iktar fil-logħba. Fgura tilfu lil Quintero u kellhom xi ċansijiet fejn setgħu daħlu mill-ġdid fil-logħba, iżda Naxxar kienu wkoll perikolużi bil-kontrattakki tagħhom.
Tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Fgura mill-ġdid fil-logħba meta Da Silva Arruda twaqqa’ fil-kaxxa bl-istess plejer jiskorja mill-11-il metru. Il-logħba issa saret miftuħa u mill-iktar interessanti fejn Naxxar bdew jidhru f’diffikulta anki jekk mas-siegħa logħob Blandon Rendon kellu xutt jgħaddi ftit barra.
Fis-66 minuta Fgura kisbu d-draw b’azzjoni personali ta’ Samuel Buhagiar li wara li qabeż diversi plejers spara fix-xibka. Meta kollox deher li l-logħba se tintemm fi draw kien Farias li skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin fit-93 minuta.
Riżultati oħra:
Marsa 2-0 Swieqi United
Vittoriosa Stars 0-2 Tarxien Rainbows
Qrendi 3-3 Lija Athletic
Żejtun Corinthians 3-0 Melita
St. Andrews 2-2 Marsaskala
Attard 3-1 Mtarfa
//= $special ?>