“Tkun traġedja jekk nitilfu s-settur tal-biedja għaliex il-bidwi huwa ambaxxatur ambjentali li jipprovdi l-prodott lokali.”
Dan qalitu d-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg waqt konferenza tal-aħbarijet li ġiet indirizzata wkoll mid-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina u l-whip Nazzjonalista Robert Cutajar.
Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li l-Partit Nazzjonalista se jippreżenta ħames emendi rigward l-abbozz ta’ liġi fuq il-qbiela. Dawn l-emendi jinkludu definizzjoni ċara ta’ raba’ li se tinkudi wkoll fejn irabbu n-naħal kif ukoll strutturi agrikoli fosthom irziezet tal-annimali.

Huwa qal ukoll li se jressqu emenda oħra fejn meta toħroġ il-qbiela fuq razzett ikun evalwat liem parti hu r-razzett residenzjali fejn qed jgħix il-bidwi u liem parti hija l-binja għall-użu agrikolu. Bħalissa fl-abbozz, l-qbiela tal-irziezet qed jiġu stmati fuq 2% tal-valur tas-suq.
Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista organizza diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-bdiewa sabiex dawn l-emendi verament itejbu l-kwalita’ tal-ħajja tal-bdiewa.
Minn naħa tagħha d-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg qalet li f’dan l-abbozz kien hemm nuqqasijiet. Dan filwaqt li tkellmet fuq l-importanza li għandha tingħata lill-bdiewa għaliex il-bidwi huwa ambaxxatur ambjentali. Hija tkellmet dwar l-emenda li l-bdiewa jingħataw għajnuna finanzjarja. Hija saħqet li kull żieda fil-kera hija ta’ piż kbir fuqhom u għalhekk għandhom jingħataw għajnuna finanzjarja sabiex itaffu minn dan il-piż u jkunu jistgħu jkomplu jipprovdu il-prodott lokali lill-poplu Malti u Għawdxi.

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li l-Erbgħa li ġej il-Partit Nazzjonalista se jippreżenta l-emendi quddiem il-kumitat tal-abbozzi, u jittamaw li l-Gvern jilqa’ dawn l-emendi u jkunu inklużi f’dan l-abbozz.
