Ambjent Lokali

Għaqdiet ambjentali jsostnu li hemm bżonn konsultazzjoni vera dwar l-ambjent

Disa’ għaqdiet ambjentali ngħaqdu biex iressqu r-reazzjonijiet tagħhom għall-abbozz tal-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Ambjent. Waqt li jirrikonoxxu x-xogħol li sar biex jiġi mħejji dan l-abbozz, l-eNGOs qed isejħu lill-ERA biex tkun aktar kuraġġuża u aktar ambizzjuża fil-viżjoni tagħha dwar l-ambjent, sal-2050.

L-eNGOs qed jappellaw għal aktar kuraġġ biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kontroversjali u diffiċli li hemm bħalissa madwar l-aġendi nazzjonali, bħalma huma r-reklamazzjoni tal-art, it-teħid żejjed tal-ilma tal-pjan, id-demografija u l-carrying capacity tal-Gżejjer Maltin; u biex tkun evitata terminoloġija li tagħti l-impressjoni ta’ azzjoni ambjentali progressiva imma li ma tikkommettix ruħha b’mod sħiħ għal dan.

Huma sostnew li d-dokument kważi jħalli barra għalkollox kull referenza għat-Tibdil fil-Klima, li bla dubju hija l-aktar kwistjoni ambjentali importanti li se teffettwa lill-gżejjer tagħna fis-snin li ġejjin. Li ntaffu, u speċjalment nadattaw, għat-Tibdil fil-Klima fil-verità kellu jkun il-prinċipju li jiggwida dokument bħal dan, meta tqis il-kuntest ta’ urġenza u emerġenza li qed naffaċjaw. Dawn l-għaqdiet esprimew li kellu jkun hemm riferenza speċifika għall-istrateġiji ambjentali differenti għar-reġjuni differenti, fosthom ta’ Għawdex, Kemmuna, kif ukoll żoni speċifiċi f’Malta, bħall-Marsa.

L-għaqdiet ambjentali kkritikaw il-fatt li aktar minn terz tal-“għanijiet strateġiċi” proposti mhumiex verament miri speċifiċi li jridu jintlaħqu, imma attivitajiet anċillari, li huma rilevanti u importanti, imma li ma jistgħux jiġu deskritti bħala “għanijiet strateġiċi”. Dan id-dokument fih 64 “għanijiet strateġiċi”. Fl-istess ħin, l-eNGOs ikkritikaw ukoll il-fatt li d-dokument ma jagħti l-ebda indikazzjoni dwar kif l-għanijiet strateġiċi proposti se jintlaħqu.

L-eNGOs appellaw lill-Gvern biex jiżgura li meta l-Istrateġija Nazzjonali tiġi finalizzata, id-dokument jingħata status legali li jkun jiggarantixxi li l-istess Strateġija tiġi infurzata, ħalli jkun evitat li jkollna strateġija oħra li tispiċċa fuq l-ixkaffa. Insejħu wkoll lill-Gvern biex jagħti vuċi aktar b’saħħitha lill-ERA fuq il-kwistjonijiet kollha li b’xi mod ikollhom impatt fuq l-ambjent, u, b’mod partikolari, l-iżvilupp tal-bini.

L-għaqdiet appellaw lill-awtoritajiet biex meta jiġu mfassla strateġiji nazzjonali daqstant importanti, isir proċess ta’ konsultazzjoni vera mal-eNGOs u s-soċjetà ċivili – l-għaqdiet ambjentali lesti li jagħtu l-kontribut sħiħ tagħhom, anke jekk ir-riżorsi tagħhom huma limitati. L-eNGOs iħarsu ’l quddiem lejn diskussjoni serja dwar il-kwistjonijiet dettaljati li
qajmu fis-sottomissjonijiet tagħhom.

L-għaqdiet ambjentali involuti huma Din l-Art Ħelwa, is-Soċjetà Arkeoloġika ta’ Malta, BirdLife Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Għawdix, Moviment Graffitti, Nature Trust-FEE Malta, u l-Assoċjazzjoni tar-Ramblers ta’ Malta.