Għawdex Knisja Lokali

“Għawdex se jispiċċa jsir kollu ġebel u siment” – l-Isqof Anton Teuma

Il-problema tat-traffiku, il-bini bla rażan… il-korruzzjoni, ir-rgħiba għall-flus… dawn biss uħud mill-punti li għamel referenza għalihom l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma waqt quddies li fiha tfakkar Jum Għawdex.

Anton Teuma sostna li kulħadd għandu jkun responsabbli għal dak li qed iseħħ madwarna fosthom il-problema tat-traffiku u l-bini bla rażan fil-gżira Għawdxija, fejn aċċenna għall-fatt li Għawdex se jispiċċa jsir kollu ġebel u siment. Hawn, appella biex kulħadd ikun resonponsabbli ta’ għemilu u mhux kull roqgħa li jkollu jipprova jibniha.

Ma naqasx ukoll li jagħmel referenza għall-korruzzjoni… fejn hawn ukoll saħaq fuq il-bżonn li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu u ma jinqabadx f’din ix-xibka ta’ ħażen.

Monsinjur Teuma qal li llum il-ġurnata l-ħajja tant saret mgħaġġla li l-persuni daħlu f’magna ingranata, li meta jiefqu, jaqgħu fi kriżi fejn hemm dik li tissejjaħ id-‘dipressjoni tal-weekend’, jew id-‘dipressjoni tal-vaganzi’…illi tfisser li meta wieħed ma jsibx x’tagħmel, il-ħajja tispiċċa bla sinifikat. Saħaq li għalhekk wieħed għandu bżonn il-kelma ta’ Alla.

L-Isqof qal ukoll li r-regoli, il-liġijiet, il-pulizija, il-gwardjani lokali mhumiex se jsolvu l-problema li ‘kulħadd jagħmel li jrid’, għaliex għal kull implimentazzjoni tal-liġi se jkun hemm min jipprova jara kif jagħmel biex jgħaddi minn hawn u minn hemm, b’mod speċjali meta jidħlu l-flus.

Għalhekk, huwa aċċenna fuq il-bżonn ta’ formazzjoni tal-kuxjenza, tal-qalb tal-persuna u li jkollna valuri sodi.