Lokali Qorti

Hedded persuna fuq argument li beda fuq tfajla

Żagħżugħ ta’ 23 sena residenti Ħal Tarxien ġie mixli quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud li ħebb u darab ħafif b’mus lil ġuvni ieħor, li hedded persuna oħra u li ġarr arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr permess tal-Kummissarju tal-Pulizija. Il-prosekuzzjoni spjegat lill-Qorti li Tyler Camilleri ried tfajla ta’ xi ħadd ieħor.

L-allegat vittma bagħtlu messaġġi u qallu biex ma jibqax jikkuntatjha. Camilleri qalli, iva imma bil-patt li jagħtih €10,000 biex iħalliha bi kwietha u l-ġuvni pront qallu “Mela jien għandi lil Kim Kardashian”. Ftit tal-jiem wara ltaqgħu l-pjazza ta’ Raħal Ġdid quddiem il-każin tal-Ħomor u wieħed minnhom, għall-akkużat qal “Ara ġie l-purċinell”, qam argument u Tyler Camilleri ħareġ mus għalihom.

L-akkużat li jaħdem xufier mal-Bolt ammetta l-akkużi kontrih. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi u ordni ta’ superviżjoni għall-akkużat. Camilleri ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000. Hu jrid jiffirma darba fil-ġimgħa l-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar.

Il-Maġistrat Joe Mifsud iddiferixxa l-kawża għad-19 ta’ Jannar fid-9.30am għas-sottomissjonijiet biex wara jkun jista’ jgħaddi għas-sentenza. Għall-akkużat dehru Franco Debono u Marion Camilleri. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Paul Camilleri u Antonello Magri.