“Is-suq ħallejnieh isuq mingħajr kontroll kif ukoll b’nuqqas kbir ta’ regolamenti u għalhekk spiċċajna b’lokalitajIet f’telqa kbira kif ukoll bini żejjed.”
Dan intqal mill-President tal-Kamra tal-Ippjanar Bjorn Bonello waqt konferenza tal-aħbarijiet f’San Ġiljan it-Tlieta filgħodu. Din il-konferenza saret propju fil-ġurnata ddedikata għall-ippjanar dinji fl-ibliet, ġurnata li ilha tiġi ċċelebrata sa mill-1947.
Bonello saħaq li f’Malta m’hemmx post għal esperimentazzjoni f’aktar żoni urbani minħabba l-fatt li pajjiżna mhuwiex daqstant kbir. Huwa qal ukoll li kull sena l-poplazzjoni qed tikber u insista li f’pajjiżna hawn bżonn aktar spazji miftuħa.
Din l-għaqda tenniet li wasal iż-żmien li jittieħdu d-deċiżjonijiet rigward l-iżvilupp f’pajjiżna sabiex l-ambjent ta’ madwarna ma jibqax ibati konsegwenza tal-bini esaġerat. L-għaqda qalet li jeħtieġ li jinżamm bilanċ bejn l-ispazji miftuħa kif ukoll l-iżvilupp infrastrutturali.
Din il-konferenza propju saret f’din il-lokalita’ għaliex tul is-snin f’din iż-żona kien hemm pressjoni kbira minħabba l-iżvilupp. U llum il-ġurnata San Ġiljan spiċċa b’ammont ta’ bini esaġerat fejn saħansitra qed jinbena bini fuq ieħor.
Huwa qal li f’pajjiżna hawn ħafna bini żejjed għaliex il-barranin biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja qed jgħixu fi spazju overcrowded. Filwaqt illi insista li fl-aħħar minn l-aħħar l-ippjanar għandu jwassal għal titjib fil-kwalita’ tal-ħajja.
//= $special ?>