Budget 2023 Kunsilli Lokali Lokali

Il-Gvern kompla jnaqqas mill-fondi allokati għall-Kunsilli Lokali

Fil-Budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern kompla jikkonferma kemm m’għandux għal qalbu l-kunsilli lokali. Tant hu hekk li kompla jnaqqas il-fondi allokat għalihom – tnaqqis globali li jammonta għal 2.2 miljun ewro. 

Iżda s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Alison Zerafa Civelli tinsab kuntenta bil-Budget għaliex il-flus diretti żdiedu bi ftit.

Fil-fatt, huwa veru li l-allokazzjoni żdiedet b’nofs miljun fuq il-Kunsilli kollha ta’ Malta. U allura żieda miżera ta’ ftit  aktar minn 7,000 ewro kull Kunsill!

Iżda apparti dawn il-flus diretti…mill-bqija, kien hemm biss tnaqqis. Tant li is-Segretarju Parlamentari spiċċat tammetti li f’ċertu inizjattivi u programmi, il-fondi verament naqsu.

Fil-Budget allokat għas-sena d-dieħla għal dan is-settur kien hemm tnaqqis ta’ 2 miljun ewro mill-Programmi u Inizjattivi. Apparti dan il-Community Scheme Works  naqsu b’aktar min-nofs – minn 300,000 ewro għal 120,00 ewro. Bin-nefqa rikorrenti tonqos ukoll b’1.2 miljun ewro.

Fil-Community Inclusive Employment Scheme kien hemm tnaqqis bin-nofs mis-sena li għaddiet, minn 300,000 ewro għal 150,000 ewro. Il-fondi allokati għall-inizjattivi speċjali naqqsu wkoll… b’miljun ewro. Il-fondi allokatli għall-proġetti kapitali tnaqqsu b’700,000 ewro oħra… tnaqqis ta’ 42% tal-fondi. Bit-Total fin-Nefqa Kapitali jkun hemm tnaqqas b’terz tal-allokazzjoni… minn 3 miljun ewro għal 2 miljun ewro.