Internazzjonali

Il-Kanada: Akkużi liċ-Ċina dwar indħil fl-elezzjonijiet

Il-Prim Ministru tal-Kanada, Justin Trudeau, akkuża liċ-Ċina b’li pruvat tindaħal u tinfluwenza l-elezzjonijiet għall-poplu Kanadiż. Hu sostna li Beijing qed jilgħab ‘ħafna logħab aggressiv’ biex idgħajjef lill-Istati li jemmnu fid-demokrazija u li fost oħrajn jinkludu l-istituzzjonijiet tal-Kanada.

Is-servizzi sigrieti Kanadiżi identifikaw ‘network sigriet’ ta’ kandidati appoġġjati miċ-Ċina li kienu kuntestaw l-elezzjonijiet riċenti fil-Kanada. Magħruf ukoll li talanqas 11-il kandidat kien appoġġjat miċ-Ċina waqt l-elezzjonijiet federali tal-2019.

Intant, kelliema għall-Gvern Ċiniż qalu li ċ-Ċina ma għandha l-ebda interess fl-affarijiet interni tal-Kanada. Madankollu, il-media Kanadiża, issa, qed tirrapporta li Beijing kien għadda l-fondi lill-kandidati Kanadiżi preferuti waqt li provda wkoll konsulenti biex jgħinu l-kampanji elettorali tal-istess kandidati.

Ir-rapporti sostnew li dan l-aġir inaċċettabbli tmexxa mill-konsulat taċ-Ċina f’Toronto, bl-istess konsulat anki jipprova juża l-aġenti tiegħu biex jinfiltraw l-uffiċini tad-deputati Kanadiżi, bl-iskop li jinfluwenzaw il-politika tal-Kanada.

Hu anki allegat li xi eks-uffiċjali Kanadiżi spiċċaw mira għal ‘attentati ta’ korruzzjoni’ bħala parti mill-pjan taċ-Ċina biex iżżid l-influwenza tagħha fi ħdan iċ-ċirkli politiċi tal-Kanada.