Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rċeviet l-unur bħala rikonoxximent għall-appoġġ tagħha lejn il-komunità Lhudija fl-Ewropa. Dan l-unur ingħata wara ż-żjara tagħha li fiha fakkret il-vittmi ta’ Shoah fil-kampijiet ta’ Auschwitz-Birkenau, il-Polonja. Il-President Metsola poġġiet kuruna ta’ fjuri mal-Ħajt tal-Mewt u pparteċipat fiċ-Ċerimonja ta’ Tifkira.
Fid-diskors tagħha Metsola qalet li dan l-unur se jservi bħala tfakkira kontinwa tal-atti kriminali li saru kontra l-umanita’ fil-passat, kif ukoll jeħtieġ li niftakru fl-importanza li niddefendu l-valuri komuni llum.
Hi sostniet li r-responsabbiltà għandha tibda minn djarna għaliex is-soċjetajiet tagħna għadhom jaraw antisemitiżmu. Dawk li ma jaċċettawx l-Olokawst, li joħolqu konspirazzjonijiet, misinformazzjoni u vjolenza ta’ kull tip fuq membri tal-komunitajiet tagħna m’għandhomx post fl-Ewropa.
Il-President Metsola tenniet l-impenn tagħha li tfakkar il-legat tal-vittmi tas-Shoah; billi qatt ma ninsew, billi qatt ma nkunu indifferenti, billi dejjem nitkellmu.
Metsola kkonkludiet id-diskors tagħha hekk kif qalet li f’dan il-post ta’ orrur, hemm bżonn it-tama. Il-wegħda tagħna lil dak li ħallewna u dawk li salvaw hi li niftakru, li qatt ma nkunu siekta, u li nibnu dinja ġdida fil-memorja tagħhom. Se niftakru.
Waqt dan l-avveniment tfakkar ukoll l-84 aaniversarju ta’ Kristallnacht (9-10 ta’ Novembru 1938).
//= $special ?>