Internazzjonali

Imut l-attur Leslie Phillips

It-Tlieta tħabbret il-mewt tal-attur Leslie Phillips fl-eta ta’ 98. Huwa kellu erbat itfal. L-aġent tiegħu Jonathan Lloyd qal li hu miet waqt li kien rieqed

Phillips twieled f’Tottenham fl-1924, u beda l-karriera tiegħu bħala attur ftit tas-snin wara meta kien għadu biss tifel. Fl-awtobijografija tiegħu li ħareġ fl-2005 semma kif hu beda jirreċta fiż-żmien meta f’Londra kien hemm faqar kbir u fl-istess perjodu meta tilef lil missieru.

Huwa jibqa’ magħruf għall-irwoli tiegħu f’diversi films ta’ Carry On u bħala l-leħen wara s-‘Sorting Hats’ ta’ Harry Potter, fost diversi films oħrajn. Hu ħadem ukoll f’diversi serje televiżivi fosthom Heartbeat u Midsomer Murders.

Hu pprova jmur jaħdem f’Hollywood iżda pprefera jibqa’ jgħix Londra. Matul il-karriera tiegħu ħadem ma’ diversi atturi kbar, fosthom Steven Spielberg u Angelina Jolie.

L-aħbar tal-mewt tiegħu waslet għal diversi messaġġi ta’ kondoljanzi mill-kollegi tiegħu, fosthom l-attur ta’ Coronation Street Tony Maudsley, Stuart Anthony u Sanjeev Bhaskar.