minn Colin Schembri
ARMS Depiro 44
Hibernians 39
(12-7)(10-8)(15-3)(7-21)
ARMS Depiro ħadu t-tieni rebħa fil-kampjonat meta għelbu lil Hibernians 44-39. Hibs ħallew wisq għall-aħħar biex jippruvaw isalvaw il-partita u sabu diffukulta biex jagħmlu l-punti tant li sa’ tmiem it-tielet sessjoni għamlu biss 18 -il punt. Però fl-aħħar taqsima rnexxielhom jerġgħu jidħlu fil-partita għalkemm qatt ma ħadu vantaġġ. Fil-fatt kienu Depiro li għamlu l-ewwel punti tal-partita f’run ta’ 10-3 b’żewġ trippli ta’ Casey Samuels bil-Hibs ikollhom trippla minn Sam Brincat. It-taqsima ntemmet fuq skor baxx ta’ 12-7 favur Depiro wara punti minn Julia Xerri u Kirsty Caruana u Ashleigh Van Vliet. Fit-tieni perjodu, punti konsekuttivi ta’ Claire Ciantar raw lil Depiro jiftħu vantaġġ ta’ 10 punti 18-8. Hibs finalment irrispondew permezz ta’ Van Vliet u Naomi Farrugia qabel ma Depiro kellhom il-punti minn Julia Borg u Celine Fenech biex daħlu jistrieħu 22-15 minn fuq.
Fit-tielet sessjoni, Hibs kellhom biss tlett punti u Depiro approfittaw speċjalment bil-punti ta’ Xerri minn fast breaks. Kien hemm ukoll il-punti ta’ Borg u Ciantar għal skor ta’ 37-18. Fl-aħħar taqsima, l-partita nqalbet hekk kif Hibs ġew f’tagħhom u bdew bi tlett trippli mingħajr risposta ta’ Jasmine Abela. Basket ta’ Xerri waqqafhom però Hibs għamlu 5 punti oħra minn Brincat u Kaya Calleja biex waslu sa’ seba’ punti ‘l bogħod 32-39. Depiro reġgħu wieġbu bi trippla ta’ Samuels biex reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 10 punti u minkejja li Hibs reġgħu naqqsu d-distakk bi trippla oħra ta’ Abela, ma kienx għad fadal ħin u Depiro ħarġu rebbieħa 44-39.
Depiro: N. Agius, J. Xerri 14, J. Mallia, L. Duncan, C. Ciantar 9, N. Hili, C. Samuels 10, J. Borg 6, M. Micallef, C. Fenech 2, J. Magri, E. Cassar.
Hibernians: E. Farrugia, K. Conti, I. Agius 2, A. Legarra 2, A. Van Vliet 8, S. Brincat 8, J. Abela 12, N. Farrugia 2, K. Caruana 2, K. Calleja 2, J. Gauchi, J. Dabic 1.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Fiorentina Ciurariu, Julie Londono
Fusion Quest 46
Caffè Moak Luxol 77
(11-26)(9-12)(17-21)(9-18)
Kif mistenni, Caffè Moak Luxol ħarġu rebbieħa kontra Fusion Quest minkejja li Santino Coppa lagħab għal ħin twil bit-team ta’ taħt it-23 sena u ħalla fuq il-bank il-players regolari fosthom il-Messikana Gladiana Avila, Mandi Mercieca, Paula Ellul u Jospehine Diaby. Dawn kollha bdew il-partita però mal-ħin ħallew liż-żagħżagħ fuq il-court. Luxol irreġistraw mill-ġdid lil Beverlee Zammit wara nuqqas ta’ xi snin fil-waqt li ankè Fusion kellhom xi uċuh ġodda bħal Julia Schembri, Elena Pace u Tiziana Azzopardi Deguara. Luxol fetħu bl-ewwel 11 -il punt tal-partita mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Avila. L-ewwel punti ta’ Fusion ġew minn Zelkja Milidrogovic u trippla ta’ Adriana Cabellero. Luxol komplew bil-punti tagħhom minn Diaby, Mercieca u Avila biex temmew l-ewwel sessjoni 26-11 minn fuq. Fit-tieni perjodu l-punti naqsu fuq iż-żewġ naħat bil-Luxol ikollhom run ta’ 10-3 biex daħlu jistrieħu 38-20 minn fuq.
Wara l-intervall, Luxol bdew bil-punti ta’ Lisa Fenech Pace li spiċċat l-aħjar skorer b’24 punt. Fusion wieġbu permezz ta’ Caballero u Milica Stefanovic qabel ma Anna Fenech Pace kellha trippla għal Luxol flimkien ma’ punti minn Fancesca Camilleri u Michelle Camilleri għal skor ta’ 59-37. L-andament tal-partita baqa’ l-istess fl-aħħar sessjoni fejn fost l-oħrajn Luxol kellhom run ta’ 12-3 kollha minn L. Fenech Pace . Stefanovic u Caballero għamlu l-aħħar punti ta’ Fusion bil-Luxol jagħlqu l-partita bil-baskets ta’ Fenech Pace u Cristina Sollami biex ħarġu rebbieħa 77-46.
Fusion Quest: V. Janicijevic, M. Mancilovic 2, J. Schembri 11, M. Stefanovic 9, E. Pace, D. Apostolovska 2, T. Azzopardi Deguara, A. Caballero 15, J. Simic 2, P. Razgate 1, N. Pejcic 4, Z. Milidrogovic 4.
Caffè Moak Luxol: C. Sollami 8, M. Mercieca 6, L. Fenech Pace 24, F. Camilleri 4, H. Galea, G. Avila 12, K. Portelli, B. Zammit, P. Ellul 4, M. Camilleri 1, J. Diaby 8, A. Fenech Pace 10.
Referees: Nicky Azzopardi, Julie Londono
//= $special ?>