Basketball Sport

Kampjonat tal-Irġiel: Iċ-champions Starlites FIJO jibdew jiddefendu t-titlu bir-rebħ

minn Colin Schembri

Starlites FIJO 87

Mellieħa Libertas 80

(25-22)(22-18)(18-22)(22-18)

Fl-aktar partita missielta ta’ tmiem il-ġimgħa bejn dawk li jidher li se jkun r-rivali ewlenin dan l-istaġun, Starlites Fijo u Mellieħa Libertas, it-team ta’ Pawlu Ferrante beda d-difiża tat-titlu b’rebħa ta’ 87-80. Partita fejn fost l-oħrajn kien hemm tlett fouls tekniċi msaffra fuq il-bank ta’ Mellieħa fost deċiżjoniet tal-uffiċjali li kkawżaw protesti fuq iż-żewġ naħat. Għal Mellieħa kien hemm in-nuqqas ta’ Miguel Falzon, mill-bqija ż-żewġ timijiet kellhom il-formazzjoni tipika tagħhom. Starlites ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 7-0 wara trippla ta’ Matthew Scerri u baskets ta’ Kurt Xuereb. Mellieħa bdew jirrispondu permezz ta’ trippla minn Robert Bonnici flimkien ma’ Vukassin Jandirc u Conor Ziniach. Wara trippla oħra ta’ Scerri, Mellieħa kellhom break ta’ 10-0, ħafna minnhu minn Ziniach biex marru fuq quddiem. Starlites irkupraw u kellhom il-punti konsekuttivi ta’ Jordan Notch fost l-oħrajn biex temmew l-ewwl taqsima 25-22 minn fuq. It-tieni sessjoni kompliet tkun missielta bil-vantaġġ jinbidel fuq iż-żewġ naħat. Starlites kellhom żewġ runs qosra ta’ 9-2 u 7-2 fosthom trippla ta’ Notch u l-punti ta’ Darius George u Alec Felice Pace biex daħlu jistrieħu 47-40 minn fuq.

Wara l-intervall kienu Starlites li kellhom l-aħjar bidu tant li kabbru l-vantaġġ għal 17 -il punt 59-42. Huma kellhom it-three pointers minn Scerri u Ryan Carabott flimkien ma diversi punti minn Notch però Mellieħa ma ċedewx u wieġbu b’run ta’ 16-4 bi trippli minn Nikola Jovanovic u Isaac Bonett u reġgħu naqqsu d-distakk għal 5 punti. Wara risposta minn Felice Pace, Mellieħa għalqu s-sessjoni bil-punti ta’ David Bugeja għal skor ta’ 65-62. Fir-raba’ sessjoni, Mellieħa kellhom problema ta’ fouls fejn fost l-oħrajn ħadu daqqa ta’ ħarta meta Ziniach ikkometta l-ħames foul kmieni u kellhu jħalli l-court. Madankollhu, l-vantaġġ ta’ Starlites baqa’ ta 3 punti hekk kif Bugeja u Jandric tħabtu biex iżommu l-Mellieħa viċin. Starlites marru 7 minn fuq 79-72 għalkemm Notch falla 4 freethrows wara xulxin. Mellieħa reġgħu waslu sa’ basket ‘l bogħod 80-82 però sensiela ta’ fouls tekniċi poġġew lil Starlites fuq il-freeethrow line u huma ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 87-80.

Starlites FIJO: A. Felice Pace 14, M. Attard 3, I. Felice Pace 2, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 16, R. Carabott 5, L. Farrugia, K. Xuereb 7, N. Sultana, D. George 16, J. Notch 24.

Mellieħa Libertas: S. Zammit 4, D. Bugeja 18, R. Bonnici 10, V. Jandric 17, I. Bonett 4, N. Bukva 2, N. Jovanovic 3, C. Ziniach 22, M. Formosa

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Ivica Simic, Ionut Ciurariu

Hibernians 81

Gżira Athleta 89

(24-14)(17-29)(21-14)(19-32)

Il-partita li fetħet il-kampjonat Bank of Valletta għal dan l-istaġun kienet bejn Gżira Athleta u Hibernians bit-team tal-Athleta jibdew b’rebħa mportanti ta’ 89-81 li mmaturat fl-aħħar sessjoni. Hibs, jibdew dan il-kampjonat bi 3 punti mnaqqsin wara dak li ġara l-istaġun li għadda, fil-waqt li Athleta għandhom bidla fit-tmexxija fejn wara nuqqas ta’ xi snin irritorna Joe Galea li ħa post Peter Farrugia. Kienu Hibs li kellhom l-aħjar bidu fejn bi trippli ta’ Matthew Attard u Justin Bogle marru 14-4 minn fuq fejn kellhom ukoll il-kontribut ta’ Ivan Demcesen. Għall-Athleta kien hemm risposta minn Roland Griffen qabel ma nbidel, bil-Hibs japprofittaw u jkabbru l-vantaġġ għal 10 punti 24-14 fi tmiem l-ewwel sessjoni. Athleta kellhom bidu mill-aqwa fit-tieni perjodu meta għamlu run ta’ 18-2 fosthom żewġ trippli ta’ Griffen li rritorna fuq il-court, flimkien ma’ Jalen King, Nathan Xuereb u Francesco Mifsud Bonnici. Hibs finalment kellhom risposta minn Bogle però trippla ta’ Billy Zammit ħalliet lil Athleta seba’ punti minn fuq 39-32. Hibs għamlu l-aħħar sitt punti tat-taqsima biex fl-intervall, kien hemm basket jifred liż-żewġ timijiet bl-Athleta minn fuq 43-41.

Fit-tielet sessjoni, Hibs approfittaw minn nuqqas ta’ King fuq il-court li baqa’ fuq il-bank hekk kif kellhu erba’ fouls b’Galea jpoġġi fuq il-court liż-żagħżugħ Jordan Ellul Dowling. Huma rnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs 49-49 wara punti ta’ Demcesen però Athleta reġgħu ħadu l-vantaġġ wara l-baskets ta’ Griffen u Ryan Abela. Hibs kellhom mument tajjeb b’run ta’ 11-0 b’żewġ trippli ta’ Bogle u oħra ta’ Attard biex temmew it-taqsima 62-57 minn fuq. Fl-aħħar taqsima, Silvio Cassar beda mingħajr Demcesen u King sab posthu lura fil-court u dan għen lill-Athleta jerġgħu jieħdu l-vantaġġ 73-66 wara bidu tajjeb bil-punti ta’ Griffen u Xuereb. Hibs ma rnexxielhomx jerġgħu jirkupraw hekk kif Athleta bdew jirrispondu għal punti tagħhom biex finalment ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 89-81.


Hibernians:
P. Attard 1, M. Attard 13, J. Bogle 33, M. Bezzina, D. Brincat. L. Attard 1, L. Borg4, M. Fall, I. Demcesen 29.

Gżira Athleta: J. King 19, F. Mifsud Bonnici 9, N. Buhagiar, L. Stefanovic, J. Ellul Dowling, N. Xuereb 15, R. Griffin 38, I. Xuereb 3, S. Vincic, R. Abela 2, B. Zammit 3.

Referees: Daniella Torok, Ionut Ciurariu, Vladimir Nikolic.

Bupa Luxol 91

Depiro 67

(24-11)(25-24)(27-10)(15-22)

BUPA Luxol ukoll bdew il-kampjonat bir-rebħ meta għelbu lil Depiro 91-67. Depiro li wkoll jibdew il-kampjonat bi tlett punti mnaqqsa, ma setgħux isbu tarf tas-shooters ta’ Luxol li kellhom xejn anqas minn 17 -il three pointer fosthom 7 ta’ Nikola Vasovic li kien f’ġurnata ta’ grazzja. Luxol ikkontrollaw lill-Amerikan Cameron Cornelius li kien imexxi l-logħob ta’ Depiro li għal din il-partita kellhom nieqes lil Andy Attard però ppreżentaw lill-veteran David Camilleri. Huma kellhom lura wkoll lil Sean Galea li skonta s-sospensjoni ta’ 3 partiti. Il-bidu tal-partita kien favur Depiro li ħadu l-uniku vantaġġ tagħhom fil-partita b’run ta’ 10-5 bil-punti jaslu minn Galea u Kameron Rooks fil-waqt li Luxol kellhom trippla minn Stefan Cappello. Hawn Luxol bdew jiddominaw il-partita fejn għamlu run ta’ 19-1 b’Vasovic jagħmel tlett trippli u tnejn oħra ta’ Trevian Bell biex temmew l-ewwel sessjoni 24-11 minn fuq. Depiro ppruvaw jirkupraw fit-tieni taqsima fejn fetħu bi tlett three pointers minn Camilleri, Andrew Aquilina u Cornelius biex naqqsu d-distakk għal sitt punti 20-26. Għal xi ħin iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin però t-trippli ta’ Luxol komplew ġejjin minn Vasovic, Bell u Matthew Sciberras u sal-mistrieħ reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 14 -il punt 49-35.

Wara l-intervall l-andament tal-partita baqa’ l-istess bit-team ta’ Duncan Fenech ikomplu jkabbru l-vantaġġ b’logħob tajjeb kontra difiża miftuħa ta’ Depiro. Ma naqsux ukoll aktar trippli minn Vasovic, Jean Paul Schembru u Bell flimkien mal-punti ta’ Marco Matijevic u Tayler Mattos. Depiro naqsu milli jnaqqsu d-distakk b’mod regolari għalkemm kellhom trippla minn Aquilina però Luxol temmew it-taqsima b’vantaġġ komdu ta’ 31 punt 76-45. L-aħħar sessjoni serviet biex Depiro jippruvaw jagħmlu l-iskor aktar rispettabbli u waslu sa’ 22 punt ‘l bogħod 59-81. Luxol wieġbu permezz ta’ Cappello u Vasovic li għalaq il-partita bis-seba’ trippla tiegħhu għal skor ta’ 91-67.

Bupa Luxol: J. Garcia Cefai, N. Vasovic 33, M. Sciberras 3, T. Bell 20, JP Schembri 6, A. Trapani, L. Trapani, J. Pace Debono, T. Mattos 14, M. Matijevic 3, S. Cappello 12.

Depiro: J. Flagel 2, S. Galea 5, B. Nel 4, D. Camilleri 3,  A. Aquilina 11, N. Grech, S. Kenely, K. Rooks 23, M. Brincat 2, M. Mallia 2, C. Camilleri 11, M. Debattista 4.

Referees: Daniella Torok, Florentina Ciurariu, Nicky Azzopardi