Beppe Fenech Adami, PN
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li kieku Malta mhix fl-UE, is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt tkun ħafna iktar ħażina.
Id-deputat Nazzjonalista qal fil-parlament li dan hu mument kruċjali għad-dinja u għall-Ewropa propju meta fl-Ewropa għaddejja gwerra. Hu sostna li s-sitwazzjoni internazzjonali ġabet theddida fuq il-libertà u d-demokrazija.
Konna nemmnu li wara l-gwerer li għaddew sa mill-Ewwel Gwerra Dinja, qatt iżjed mhu se jerġa’ jkun hemm gwerra fil-qalba tal-Ewropa. Kemm konna żbaljati!, sostna Beppe Fenech Adami, li qal li l-popli kienu żbaljati meta ħasbu li dan ma jistax jerġa’ jseħħ.
Id-deputat Nazzjonalista kompla lil-gwerra fl-Ukraijna hu mument ta’ prova għal kulħadd u sostna li l-PN jemmen li l-aġir tar-Russja hu aġir inaċċettabbli.
Il-PN jemmen li quddiem l-aggressjoni u l-kattiverija fuq l-Ukraina, Malta għandha tibqa’ soda bħala membru fl-UE fil-pożizzjoni qawwija li qed tieħu l-UE.
Id-deputat Nazzjonalista sostna li l-Armata Russa qed tattakka b’mod strutturat is-sistemi tal-elettriku u l-ilma fl-Ukrajina biex meta jkun hemm il-kesħa tax-xitwa, l-poplu Ukren jinġieb għarkubtejh.
Beppe Fenech Adami kompla li l-UE għandha tibqa’ blokk magħqud kontra din l-aggressjoni. Ix-xhur li għaddew kienu ta’ prova għal Malta u għall-UE; sal-lum l-UE u Malta żammew sod. Hu qal li lill-parlament Malti, Zelinsky tah diversi messaġġi fosthom li l-istorja ta’ Malta għandha tgħallem kif din is-sitwazzjoni delikata għandha tkun trattata.
Il-President Zelinsky tana ħasla billi qalina li f’ġieħ is-sewwa għandna nieqfu nbiegħu l-passaport Malti lill-ħbieb ta’ Putin, sostna Beppe Fenech Adami, li kompla li dan seħħ fl-istess xhur li l-Prim Ministru kien taparsi qed jikri l-villa tiegħu lil żewġ ħbieb ta’ Putin biex dawn jixtru l-passaport Malti.
Dawn ir-Russi taparsi kienu jgħixu Malta biex ituhom iċ-ċittadinanza Maltija; dan mhux ċikku l-poplu iżda l-Prim Ministru.
Malta ġarrbet ħsara kbira b’din l-iskema u hi l-uniku pajjiż fl-UE li qed jibqa’ jisfida lill-UE u jibqa’ jibiegħ il-passaporti.
Beppe Fenech Adami appella lill-gvern biex ma jibqax għaddej b’din l-iskema għaliex qed tagħmel ħsara kbira lill-pajjiż. Hu qal li Malta saret membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magqdua (UN).
Dan hu frott tal-ħidma li wettaq il-PN fil-Gvern immexxi mill-Prim Ministu Lawrence Gonzi meta 12-il sena ilu permezz tal-Mnistru Tonio Borg kien fehem li kien se jkun hemm post vojt fil-Kunsill tas-Sigurta. Għalhekk Malta tefgħet in-nomina tagħha u kisbet dan is-siġġu.
Hu inaċċettabbli li l-Ministeru jonfoq iktar minn €20,000 f’ingravajjet u xalpi; dan hu każ ta’ ‘tfal u pożi’. Dan hu tberbieq ta’ flus.
Hu inaċċettabbli wkoll li l-gvern jitla’ għal-laqgħa annwali tan-NU bi 30 persuna li wħud minnhom m’għamlu xejn u spiċċaw qagħdu biss fil-lukanda basta telgħu l-Amerika.
Beppe Fenech Adami tkellem dwar l-UE u qal li l-akbar avveniment tul din is-sena kienet il-ħatra ta’ Roberta Metsola bħala President tal-Parlament Ewropew.
Il-PN kellu raġun, sostna Fenech Adami, li kompla li l-PL kien jgħid li Malta hi makku u żgħira wisq biex tissieħeb fl-UE. Kieku Malta mhix fl-UE, is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt kienet tkun waħda iktar diffiċli milli hi llum, sostna Beppe Fenech Adami, li kompla li l-PN se jibqa’ partit li jemmen fil-valuri Ewropew li jirreżisti l-mewġa ta’ nazzjonaliżmu sfrenat u populiżmu kattiv li qed jaħkem diversi pajjiżi inkluż pajjiżi ġirien ta’ Malta.
Beppe Fenech Adami tkellem dwar ir-relazzjonijet mal-Italja u qal li l-Italja hi sieħeb importanti għal Malta. Issa iktar minn qabel qed tikber l-importanza li Malta jkollha l-aqwa relazzjonijiet mal-Italja, Spanja, Portugall u l-Gerċja; pajjiżi li għandhom l-istess sfidi bħal Malta quddiem l-immigrazzjoni.
Fil-konfront tal-immigrazzjoni, il-ġlieda trid tkun mal-kriminalità organizzata. Jeħtieġ li din l-isfida tkun waħda tal-Ewropa kollha u mhux ta’ Malta jew pajjiż ieħor waħdu, sostna Beppe Fenech Adami, li qal li kull persuna għandu jkollha d-drittijiet fundamentali tiegħu garantiti.
Mhux aċettabbli tifla ta’ erba’ snin tmut bil-għatx fuq il-baħar; minkejja l-iskużi kollha li pprova jġib il-Ministru Byron Camilleri l-fatti huma li din mietet għax ma kien hemm l-ebda port li lest jilqa’ lil din it-tifla.
Hu qal li l-Oppożizzjoni hi sodisfatta li wara erba’ snin kienet maħtura Ambaxxattriċi għall-Istati Uniti tal-Amerika. Din l-assenza ma kinitx kumbinazzjoni iżda kienet tirrifletti sitwazzjoni xejn feliċi bejn amta u l-Istati Uniti, li hi t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali ta’ Malta. Dan il-potenzjal jista’ jkun sfruttat iktar f’diversi oqsma, fosthom fl-edukazzjoni.
Beppe Fenech Adami semma’ wkoll il-Libja u appella biex ir-relazzjonijiet ma’ dan il-pajjiż jibqgħu tajbin anki minħabba l-problema tal-immigrazzjoni. M’għandux ikun hemm ftehim ma’ pajjiżi bħal-Libja bla ma jkun hemm id-dettalji pubblikati dwar l-immaniġġjar tal-immigrazzjoni.
//= $special ?>