Sport Tazza Tad-Dinja 2022

”Kien żball li l-Qatar ingħata t-Tazza tad-Dinja 2022” – Sepp Blatter

(Ritratt: EPA)

L-eks President tal-FIFA Sepp Blatter ammetta li d-deċiżjoni li t-Tazza tad-Dinja ssir fil-Qatar kienet ‘żball’

Blatter kien il-President fl-2010 meta l-Eżekuttiv tal-FIFA ivvota biex ir-Russja u l-Qatar jingħataw id-dritt li jorganizzaw it-Tazza tad-Dinja tal-2018 u tal-2022 rispettivament.

Din l-edizzjoni li se ssir fil-Qatar, minbarra li kellha ssir f’Novembru u Diċembru minħabba s-sħana fil-pajjiż, qajmet ħafna kritika minħabba trattament ħażin lill-ħaddiema imigranti u liġijiet kontra l-persuni LGBT+. Barra minnhekk bosta membri ta’ dak l-istess eżekuttiv li vvota aktar tard kienu akkużati b’każi ta’ etika u kriminali.

Sepp Blatter, li qal li hu ma vvotax għal Qatar, kien meħlus minn akkużi ta’ frodi mill-Qorti Żvizzeru f’Lulju li għadda wara pagament ta’ £1.7 miljuni lill-eks President tal-UEFA Michele Platini iżda xorta baqa’ sospiż mill-futbol minħabba dan il-każ.

Fl-ewwel intervista tiegħu minn wara li nħeles minn dawn l-akkużi, Blatter, li għandu 86 sena qal lill-gazzetta Żvizzera Tages-Anzeiger lu hu xtaq li l-edizzjonijiet tal-2018 u tal-2022 jingħataw lir-Russja u lill-Istati Uniti bħala ġest ta’ paċi lejn l-akbar żewġ avversarji politiċi.

Waqt l-intervista Blatter staqsa x’inhi r-raġuni li l-President attwali Gianni Infantino qed jgħix fil-Qatar meta dan ma jistax ikun il-Kap tal-Organizzazjoni tal-kompetizzjoni. Huwa qal li dan isir minn kumitat organizzattiv lokali u ieħor mill-FIFA iżda muwiex xogħol il-Presitent tal-FIFA.

Minkejja li ma jaħsibx li kellha ssir hemm, Blatter qal li xorta jinsab kuntent li t-Tazza tad-Dinja se ssir fil-Qatar u li minbarra xi ftit eċezzjonijiet l-ebda plejer ma bbojkottja l-akbar avveniment tal-futbol fid-dinja.