Koppja Filippina li ilha tgħix Malta għal 14-il sena ġiet mixlija quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud li wettqet frodi online b’sistema fejn kienet tagħmel chats persuni li ħasbu li kienu qegħdin jagħmlu użu minn servizz tal-Bank of Valletta. Arvin Guerrero Silos ta’ 42 sena li joqgħod tal-Pietà li flimkien ma’ martu Jemelyn Aliga Silos ta’ 40 sena, li tgħix fl-istess residenza, ammetta li huwa ffroda ħames persuni online is-somma ta’ €9,000, bil-vittmi ma jkunux konxji li kienu qegġdin jikkomunikaw ma’ scam, u li iżda kienu qegħdin jagħmlu tranżazzjonijiet mal-bank lokali.
L-Avukat Joe Giglio qal li l-klijen tiegħu kien qed jammetti l-frodi iżda mhux l-att ta’ money laundering. Filwaqt li fil-każ tal-mara Giglio qal li din qed twieġeb mhux ħatja tal-akkużi kollha miġjubin kontriha, għax ma kellha x’taqsam xejn mal-każ, anke jekk kien hemm xi ‘apps’ li kienu jġħajjtu lilha, hi ma kinitx konxja dwar dak li kien qed isir.
Huma ġew mixlija li wettqu ħasil ta’ flus, li kkonvertew jew ittrasfere propjetà meta kienu jafu li din kienet ġejja minn attività kriminali, li għamlu qliegħ li ġejja minn attività kriminali, li għamlu qliegħ bi ħsara għad-dannu ta’ ħames persuni, erba’ Maltin u persuna ta’ nazzjonalità barranija, bl-ammont iffrodat jaqbeż il-€5,000.
L-Avukat Giglio qal li ma kienx qed joġġezzjona għall-validità tal-arrest tal-Filippini bil-Qorti tilqa’ t-talba għall-iffriżat tal-assi tal-akkużati. Mistoqsi x’jagħmel Arvin Silos qal li jaħdem fuq dgħajsa bħala ‘deckhand’ filwaqt li l-mara hija mniżżla bħala ‘housekeeper’ iżda tagħmel xogħol ta’ ‘carer’.
L-Avukat Giglio għamel talba għall-pleġġ tal-akkużati fejn qal li l-akkużati għandhom rabtiet ma’ Malta, mhux biss għax ilhom jgħixu f’dawn il-Gżejjer imma għandhom ukoll żewġt itfal u għandhom ukoll impieg.
Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjinatx għall-ħelsien mill-arrest anke jekk kienet xi ftit preokkupata minħabba li r-raġel jaħdem fuq dgħajsa u għalhekk hemm il-biża li jaħrab. Id-difiża qalet li din hija dgħajsa ta’ 33 metru u mhux xi waħda li wieġed jista’ jitlaq biha x’imkien kif ġib u laħaq. Huwa qal li sid id-dgħajsa huwa lest li l-akkużat ma jiżbarkax bid-dgħajsa li hija sorġuta f’Manoel Island, imma jaħdem fuqha meta tkun sorġuta mal-moll.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-pleġġ fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €20,000 għal kull akkużat, li jiffirmaw kuljum fl-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamurun bejn it-8.00am u t-8.00pm u li jkunu d-dar sal-10pm u ma joħorġux qabel is-7am. u kienu mwissija li ma jistgħu jħallu Malta bla permess.
L-Uffiċċju tal-Frodi Online u s-Cybercrime flimkien mal-l-Avukat tal-AĠ kienu dawk li ressqu lill-Filippini fejn każijiet ta’ frodi bħal dawn huma diffiċli biex jissolvew.
L-Ispetturi Clive Brimmer (Uffiċċju tal-Frodi Online fi ħdan l-FCID) u l-Ispettur Marcus Cachia (Cybercrime) mexxew il-prosekzzjoni flimkien mal-Avukati mill-Uffiċċju tal-AĠ Andreas Vella u Nathaniel Falzon,
//= $special ?>