Żewġ ġurnalisti Britanniċi ta’ nisel Iranjan li huma impjegati mal-istazzjon televiżiv Iran International spiċċaw imwissija dwar ‘is-sogru potenzjali għal ħajjithom’ min-naħa tar-reġim Iżlamiku fundamentalista f’Tehran, L-istazzjon, ibbażat fir-Renju Unit, qed ixandar bil-lingwa Persjana u dan l-iżvilupp xokkanti kien żvelat mis-sorsi Britanniċi għall-infurzar tal-liġi.
Intant, il-Pulizija Metropolititana notifikat lill-ġurnalisti dwar żieda ‘fit-theddid kredibbli’ mill-qawwiet tas-sigurtà Iranjani. Dan waqt li l-Volant Media, li tmexxi lill-Iran Channel, ikkundannat ‘l-eskalazzjoni tal-intimidazzjoni mill-Istat Iranjan fil-konfront tal-ġurnalisti li qegħdin jaħdmu barra l-Iran’.
L-Iran ma weġibx għall-kummenti minkejja li, ix-xahar li għadda, ħabbar is-sanzjonijiet fil-konfront tal-Iran International u l-entità tal-BBC News li akkużahom dwar ‘l-inċitament tal-irvellijiet fl-Iran’. L-Iran saħaq li dawn is-sorsi tal-aħbarijiet huma ‘sostenituri tat-terrur għall-mod kif huma qed jirrappurtaw il-protesti tal-aħħar xhur kontra l-Gvern Iranjan Iżlamiku’.
L-Iran International u l-BBC News huma projbiti minn Tehran bħala sorsi li jwasslu l-aħbarijiet indipendenti u imparzjali rigward l-Iran li t-Tmexxija tiegħu qed tkompli bil-politika ta’ intolleranza u persekuzzjoni tal-media u l-ġurnalisti.
//= $special ?>

