Internazzjonali

L-Istati Uniti: L-Amerikani jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-‘mid-term’

View, from the balcony, of congressmen and congresswomen on the house floor as the 115th Congress is called into session on its opening day, Washington DC, January 3, 2017. (Photo by Mark Reinstein/Corbis via Getty Images)

Il-poplu tal-Istati Uniti qed jivvota fl-elezzjonijiet ta’ nofs il-mandat – magħrufin bħala l-mid-term – u li jiddeċiedu min minn fost id-Demokratiċ fil-Gvern u r-Repubblikani għandhom jikkontrollaw il-Kungress ta’ Washington.

Il-Kungress għandu influwenza kbira fit-tfassil tad-deċiżjonijiet tal-Gvern u meta għal dawn is-sentejn, iż-żewġt ikmamar ( tal-Kungress)  — f’dan il-każ is-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti – kienu f’idejn id-Demokratiċi.

Hu mbassar li r-Repubblikani  għandhom jieħdu kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti, bit-tellieqa għas-Senat qed tidher ferm missielta, bl-ebda partit ma jidher bħala favorit. Ma laħqux daħlu indikazzjonijiet ċari iżda disfatta għad-Demokratiċi  f’dawn l-elezzjonijiet għandha tfisser tfixkil, ‘il quddiem, għall-aġenda tal-President tal-Istati Uniti, Joe Biden.

Għaddejjin ukoll elezzjonijiet fuq livell ta’ Stat li kapaċi jwasslu għall-introduzzjoni ta’ liġijiet ġodda dwar l-abort f’xi Stati partikulari.

Dan fost is-sinjali li l-eks President Repubblikan tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed iħejji biex iħabbar dalwaqt  — u b’mod uffiċjali – li se jikkuntesta l-elezzjonijiet Presidenzjali tal-2024 fl-Istati Uniti.

L-elezzjonijiet tal-mid-term kapaċi anki jagħtu ħjiel dwar l-appoġġ attwali għal Trump minbarra li jipprovdu verdett ċar dwar il-popolarità tal-President Biden. Għaldaqstant, jekk id-Demokratiċi jirnexxilhom iżommu l-poter f’ċerti Stati Amerikani, huma jkunu jistgħu ‘jibnu fuq il-kampanja’ biex Joe Biden ikun elett mill-ġdid bħala President fl-2024.

Mill-banda l-oħra, f’każ li jmorru tajjeb il-kandidati Repubblikani appoġġjati minn Trump, hemm possibbiltà kbira li l-eks President Amerikan ikun ‘ikkonvalidat’ mill-partit tiegħu biex jikkuntesa direttament għall-Presidenza għat-tielet darba.

Dawn il-possibbiltajiet jirrendu l-elezzjonijiet tal-mid-term bħala aktar sinifikanti minn ta’ snin ilu u fejn qed ikunu analizzati mill-qrib anki minn barra l-Istati Uniti. Dan peress li r-riżultati finali jistgħu jiftħu beraħ għall-introduzzjoni ta’ liġijiet ġodda u kontroversjali  minbarra li jikkonfermaw il-kompożizzjoni tal-Kungress matul is-sentejn li jmiss.