Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

L-MEP David Casa jinsab f’Londra ma’ delegazzjoni tal-Parlament Ewropew

L-MEP Nazzjonalista David Casa jinsab Londra għat-tieni Assemblea Parlamentari bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Dan hekk kif bħalissa Westminster qed jospita l-Assemblea għall-ewwel darba mill-bidu tagħha, wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

David Casa qal li l-Assemblea hija l-aħjar mod biex ir-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit tkun aktar demokratika. Saħaq li filwaqt li r-Renju Unit għadda minn mumenti diffiċli fix-xena politika tiegħu, għad hemm mistoqsijiet mhux imwieġba li huma rilevanti ħafna għaċ-ċittadini Maltin li jgħixu fir-Renju Unit… għalhekk dawn il-kwistjonijiet jixraqilhom l-attenzjoni.

Fost il-kwistjonijiet li jridu jiġu diskussi, hemm il-kooperazzjoni fl-enerġija u r-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit, partikolarment id-drittijiet taċ-ċittadini. L-Assemblea se tiddiskuti l-kooperazzjoni futura tagħha mal-parlamenti reġjonali tar-Renju Unit u mas-soċjetà ċivili, sabiex tirrappreżenta l-aħjar l-interessi taċ-ċittadini tar-Renju Unit u tal-UE.

L-MEP Nazzjonalista qal li hemm kwistjonijiet kbar li għandhom ikunu diskussi… mill-enerġija għall-kummerċ. Imma fuq kollox, iċ-ċittadini għandhom jinżammu fil-qalba ta’ kull dibattitu.

David Casa, li huwa l-uniku ewroparlamentari Malti f’din l-Assemblea Parlamentari konġunta, saħaq li Malta għandha rabtiet sodi mar-Renju Unit… b’numru ta’ Maltin li jgħixu fir-Renju Unit, studenti u professjonisti żgħażagħ, u dawk li għaddejjin bil-ħidma tagħhom f’firxa ta’ industriji, speċjalment dik tal-arti.

L-assemblea parlamentari konġunta nħolqot bħala parti mill-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni (TCA) bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-Brexit. Hija magħmula minn 70 MPE u MP mill-House of Commons u tiltaqa’ darbtejn fis-sena. L-ewwel laqgħa saret fi Brussell f’Mejju li għadda.