Internazzjonali

New Zealand: Il-qattiel ta’ Christchurch jappella kontra s-sentenza

Il-qattiel ta’ 51 persuna li f’Marzu tal-2019 sfaw attakkati waqt li kienu f’żewġ moskej fil-belt ta’ Christchurch qed jappella kontra s-sentenza ta’ ħabs li weħel għall-agħar delitt fl-istorja moderna ta’ New Zealand.

Brenton Tarrant, ta’ nisel Awstraljan u li jemmen fis-superjorità tal-bojod fuq ir-razzez l-oħra, ressaq l-appell għat-tnaqqis fis-sentenza ta’ ħabs għal għomru li hu  kien weħel fl-2020 u f’liema sentenza kien iddikjarat li ‘ma għandu l-ebda possibbiltà li jinħeles għall-qtil u feriment ta’ għexieren ta’ devoti Musulmani.’

Il-Prim Ministru ta’ New Zealand Jacinda Ardern, issa, qalet li Tarrant ‘qed jipprova jiftaħ mill-ġdid il-feriti tal-qraba tal-vittmi li ħalla warajh’. Hi kompliet li ħadd ma għandu jirrepeti isem dan il-qattiel u li l-Istat ‘ma għandu jagħtih l-ebda opportunità biex jiżgiċċa minn din is-sentenza ta’ ħabs xierqa’.

Il-Gvern ta’ New Zealand mhux isemmi pubblikament lil Tarrant biex ma jagħtih ‘aktar fama’ jew ‘bażi minfejn iwassal messaġġ lill-estremisti oħrajn’.