Sport

Darts: Matti Satariano jasal sal-finali fl-ewwel ġurnata tal-Malta Darts Open

Fl-ewwel ġurnata mill-Malta Darts Open intlagħabu logħbiet mill-kategorija tad-doubles tal-Irġiel u tan-Nisa

Il-Malti Matti Satariano fil-kategorija taż-żgħażagħ wasal sal-finali li sfotunatament tilef kontra t-Taljana Aurora Foschesato wara li elimina lil Elizabeth Schlosser tal-Awstrija u lil Alex Sulcic tal-Italja.

Fil-kategorija tal-irġiel il-koppja Albert u Enrico Scerri rnexxielhom jiksbu t-tielet post wara li għelbu avversarji mill-Awstrija, l-Iskozja, l-Istati Uniti u s-Slovenja. Kien biss fis-semifinali li tilfu kontra l-koppja Ingliża Scott Walters u Richard North 4-0. Eventwalment dawn tal-aħħar rebħu l-kategorija tagħhom.  

Fid-doubles tan-nisa, il-plejer Maltija Althea Ciantar ingħaqdet mal-Awstrijaka Christiane Muzik u rnexxielhom jaslu sat-tielet post tal-kategorija tagħhom. Aktar qabel huma eliminaw avversarji mill-Belġju u l-Iskozja qabel ma tilfu s-semifinali kontra l-Ġermaniżi Liza u Lena Zollikofer 4-3. 

Il-logħob mill-Malta Darts Open se jkompli l-Erbgħa u jintemm il-Ħamis filgħaxija.