L-MUMN tisħaq li dak li qal Chris Fearne mhux veru
Skont Chris Fearne, in-nuqqas ta’ sodod fl-Isptar Mater Dei huwa tort tal-azzjonijiet industrijali tal-MUMN.
Hekk iddikjara l-Ministru tas-Saħħa wara li Net News staqsa lil Fearne għalfejn il-pazjenti għadhom qed jitqiegħdu fil-kuriduri…taħt l-art u fil-librerija tal-Isptar..
Net News minnufih talab għar-reazzjoni tal-President tal-MUMN Paul Pace illi minn naħa tiegħu insista li dak li qal il-Ministru Fearne huwa falz.
Paul Pace sostna li dawn is-swali nfetħu ftit qabel ma faqqgħet b’mod qawwi il-pandemija tal-Covid-19 iżda issa, insista Pace, l-Covid ġiet u marret kważi għal kollox…u dawk l-areas, li huma sitta, għadhom miftuħin
Huwa kompla jgħid li hemm madwar 180 pazjent li qed jinzammu f’dawn is-swali u huma biss sa massimu ta’ 30 persuna li qed jistennew sabiex jittieħdu f’San Vinċenz de Paule.
Paul Pace stqarr li din hija biss skuża li qed juża il-Ministru Fearne biex iħalli dawn is-swali għaddejjin bl-operat tagħhom.
Iżda l-Erbgħa filgħodu, Chris Fearne insista li s-sitwazzjoni f’Mater Dei hija konsegwenza għall-aġir tal-MUMN….bil-President tal-MUMN jisħaq li jekk il-Ministru jrid iwaħħal f’xi ħadd…għandu jipponta subajgħ lejh innifsu.
Intant, wara li matul il-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament Chris Fearne sostna li l-Gvern qiegħed iħallas għall-pagi u l-manutenzjoni lill-Steward Healthcare…il-Ministru prova jbiddel kliemu stess.
Iżda l-verità hi li huwa stess saħaq li l-Gvern qiegħed jagħti l-flus lil Steward Healthcare sabiex fost oħrajn iwettqu l-manutenzjoni fl-istparijiet.
Għaldaqstant id-domanda tibqa’ waħda persistenti….ta’ xiex qed jitħallsu Steward Healthcare? U ghaliex qed jinghataw mat-€80 miljun mit-taxxi tagħna.
//= $special ?>