Lokali

“Il-pożizzjoni tal-Ministru Owen Bonnici m’għadhiex tenibbli”

Il-pożizzjoni politika ta’ Owen Bonnici bħala Ministru m’għadhiex tenibbli u għalhekk għandu jirriżenja. U minħabba li baqa’ sieket, il-Prim Ministru għandu jkun hu li jġiegħelu jirriżenja.

Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Julie Zahra u l-Kelliem għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ spjegaw li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jkun man-naħa tal-poplu u jara li tieqaf għal kollox l-arroganza tal-Gvern, li jagħżel li ma jweġibx il-mistoqsijiet tal-poplu.

Il-kelliema qalu li l-poplu għandu d-dritt ikun jaf għaliex il-Ministru Owen Bonnici mar għand il-Pulizija dwar każ li ħareġ illum dwar it-Teatru Manoel, iżda mhux dwar il-każ li ħareġ fil-media fil-jiem li għaddew dwar l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO).

Bl-istess mod, il-kelliema staqsew għaliex il-Ministru Bonnici pprova jinħeba wara l-investigazzjoni fil-każ dwar l-MPO u jekk, f’dak il-każ, kienx qed jipproteġi lil xi ħadd.

Il-kelliema fakkru wkoll f’artiklu li l-istess Owen Bonnici kiteb fit-Times of Malta fi Frar li għadda, meta kien Ministru tal-Ugwaljanza, u qal li n-nisa għandhom ikunu protetti minn kwalunkwe vjolenza – psikoloġika, ibbażata fuq il-ġeneru, fiżika jew sesswali – għax irridu li ta’ kuljum ngħixu l-kunċett ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri, f’kull kuntest, f’kull azzjoni, f’kull deċiżjoni u f’kull kelma li tingħad.

Madankollu, huma staqsew għaliex il-Ministru Bonnici kien jaf bl-allegat fastidju sesswali 20 jum qabel ma l-vittma rriżenjat minn xogħolha fl-MPO iżda baqa’ ma pproteġihiex. Staqsew x’azzjonijiet ħa, iżda anke għaliex baqa’ ma għamel l-ebda rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija.

Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li pprova jinstiga l-Ministru Bonnici, id-Deputati kollha tal-Partit Nazzjonalista jibqgħu impenjati li, jekk ikunu jafu bi kwalunkwe każ ta’ fastidju sesswali, dawn jirrapportaw minnufih lill-awtoritajiet konċernati, hekk kif titlob il-Liġi.