Lokali

Il-Qorti tagħti l-Miżieb u l-Aħrax lura lill-pubbliku wara li l-Gvern taha lill-FKNK

Rebħa storika għall-poplu Malti u Għawdxi hekk kif illum, l-Imħallef Lawrence Mintoff ta sentenza li tiddikjara bħala nulla l-konċessjoni sigrieta tal-Gvern li tat l-artijiet tal-Miżieb u l-Aħrax lil-lobby tal-kaċċaturi.

Diversi għaqdiet qed iqisu din ir-rebħa storika għall-ġustizzja soċjali u n-natura, u tibgħat messaġġ ċar lill-Gvern li r-rieda politika tista’ tiġi implimentata biss fil-parametri legali.

BirdLife Malta, Din L-Art Ħelwa, Friends of the Earth Malta, il-Moviment Graffitti, l-Assoċjazzjoni tar-Ramblers ta’ Malta u l-Professur Edward Mallia huma sodisfatti immens li din il-kawża fil-Qorti ntrebħet u li saret ġustizzja mal-poplu ta’ Malta u man-natura.

Fil-Qrati ta’ Malta intqal kif dan il-ftehim sigriet kien inġust u illegali, għax il-meded kbar ta’ art fl-Aħrax u l-Miżieb kienu se jitgawdew biss minn ftit mijiet ta’ kaċċaturi matul ix-xhur twal ta’ staġuni tal-kaċċa f’Malta għad-detriment tal-pubbliku ġenerali.

Issa li l-ftehim ġie annullat mill-Qrati, il-ħames NGOs jitolbu li l-Gvern jaċċetta din is-sentenza u jiddikjara minnufih li din l-art kollha hija żona pubblika s-sena kollha. L-NGOs jappellaw ukoll lill-Gvern biex jagħti kas tat-talbiet ġenerali, mill-oqsma kollha tas-soċjetà tagħna, biex iħares in-natura u jikkonserva l-ispazji miftuħa tagħna. Issa huwa ż-żmien li jintwera impenn veru lejn dan il-valur.

BirdLife Malta, Din L-Art Ħelwa, Friends of the Earth Malta, il-Moviment Graffitti u l-Assoċjazzjoni tar-Ramblers f’Malta flimkien ma’ diversi NGOs oħra li jappoġġjawhom, se jibqgħu impenjati li jiġġieldu akkost ta’ kollox kontra l-inġustizzji lejn in-natura u n-nies. “Illum niċċelebraw rebħa kbira, imma nkomplu naħdmu ħafna għal aktar!”