Internazzjonali

L-Afganistan: Il-Gvern Britanniku jħallas il-kumpens għat-tfal maqtula

Il-Gvern tar-Renju Unit qed iħallas kumpens għall-imwiet ta’ 64 tifel u tifel Afgani li tilfu ħajjithom fi ġlied li kien jinvolvi lill-qawwiet Britanniċi fl-Afganistan bejn l-2006 u l-2014.

Il-Britanniċi huma lesti biex iħallsu kumpens għal talanqas erba’ darbiet aktar tfal maqtula milli huma kienu ammettew dwarhom matul ix-xhur preċedenti.

In-numru tat-tfal stabbilit hu wkoll sinifikanti għaliex il-qawwiet Britanniċi, qabel, kienu rikonoxxew biss sittax fost il-vittmi ċkejknin.

Iċ-ċifri l-ġodda kienu provduti fuq talba tal-grupp karitatevoli Action on Armed Violence (AOAV) taħt il-kriterji tal-Att għall-Freedom of Information.

Il-maġġoranza tat-tfal Afgani maqtula jidhru li kienu nqabdu f’nofs il-battalji bejn is-suldati Britanniċi u l-militanti Iżlamiċi tat-Taliban. Kienu mietu wkoll diversi tfal b’kaġun tal-attakki mill-qawwiet tal-ajru tar-Renju Unit fuq il-miri speċifiċi.

Fl-istess ħin, l-AOAV temmen li l-ammont uffiċjali ta’ ċivili maqtula mill-qawwiet Britanniċi ( fl-Afganistan) għandu jkun anqas mill-vera ċifra.

Il-grupp ma jeskludix li l-ammont proprju tat-tfal maqtula fil-vjolenza li kienet tinvolvi lis-suldati Britanniċi jista’ anki anki jaqbeż il-140 – għalkemm l-AOAV jirrikonoxxi l-possibbiltà li ‘ħafna mill-vittmi setgħu kienu adulti.’

Fl-istess ħin għadhom mhumiex iċċarati numru ta’ dettalji relatati ma’ dan fid-dokumenti tal-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit.