Lokali Parlament

L-Avukat Ġenerali mhux ‘l fuq mil-liġi; għandu jispjega ċertu deċiżjonijiet

Karol Aquilina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karl Aquilina qal li l-Avukat Ġenerali mhux ‘l fuq mil-liġi u għandu jispjega ċertu deċiżjonijiet li jieħu meta wjaqqaf prosekuzzjonijiet kontra individwi.

Fil-parlament Karol Aquilina sellem il-memorja tal-ex deputat Nazzjonalista Tony Abela u ddeskrivieh bħala bniedem li kien dejjem disponibbli għan-nies kemm fil-politika kif ukoll fil-professjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li minkejja li għal ħafna snin ma kienx hawn kontroversja dwar it-tmexxija tal-ġustizzja, din is-sitwazzjoni nbidlet kompletament meta kien elett gvern Laburista fl-2013. L-aktar li wasslet għal dan kienet il-ħatra tal-Ġudikatura; dan hu l-aktar punt sensittiv għaliex fin-nofs hemm l-għażla tan-nies.

Karol Aquilina kompla li llum hawn qbil li l-indħil tal-politiċi fil-ħatriet tal-ġudikatura m’għandu qatt ikun. Kienet l-Oppożizzjoni li konvinċiet lill-gvern biex illum hawn liġi li tirregola dan b’mod tajjeb għalkemm hemm iktar li jista’ jsir. Illum hemm proċess pubbliku u miftuħ fil-ħatriet tal-maġistrati u mħallfin.

Dan mhux biżżejjed għaliex it-tħabbira ta’ postijiet li jridu jimtlew m’għandhiex tkun waħda li tiġi ħabta u sabta. Wasal iż-żmien li jibda jkun magħruf meta se joħorġu s-sejħiet għal dawn il-postijiet ta’ maġistrati u mħallfin.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li dawk interessati għandhom ikunu jfu minn perjodu qabel biex jagħmlu dan il-pass.

Karol Aquilina tkellem dwar l-inkjesti maġisterjali u qal li l-Oppożizzjoni kienet ressqet proposta biex ikun hemm taqsima speċjalizzata u anki għamlet abbozz ta’ liġi. Jidher iżda li m’hemmx ir-rieda li din il-proposta titwettaq; fil-budget m’hemm l-ebda riferenza dwar kif din il-proposta se tkun finanzjata.

Hu appella biex din it-taqsima ma tkunx magħmula minn maġistrarti li qed jipprattikaw biex din am tfixkilx ix-xogħol li diġà għaddej minħabba li numru ta’ maġistrat huma mgħobbija b’ħafna inkjesti. Il-gvern għandu jikkunsidra wkoll dak li qal il-Prim Imħallef li qed isostni li din is-sezzjoni għandhom indipendenti u għandha topera wkoll minn post differenti mill-bini tal-qorti u jkollha nies esperti jaħdmu magħha.

Karol Aquilian tkellem dwar l-esperti u qal li hemm tnaqqis fil-vot allokat għal dawn l-esperti; minn €10 miljuni għal €5 miljuni. Jista’ jkun li l-gvern qed jipprova jwaqqaf l-inkjesti kbar li qed isiru, bħal dawk dwar il-Vitals u l-Panama Papers, billi ma jivvutax il-flus biex dawn isiru, sostna Karol Aqulina, li qal li l-gvern għandu jonfoq kemm hemm bżonn u ma jsirx kif qed isir fil-każ tal-Bank Pilatus fejn hemm min ma jridx li toħroġ il-verità. Hu qal li l-amministrazzjoni tal-qorti ipprovat tindaħal billi l-konklużjonijiet imorru għand l-amministrazzjoni tal-qorti u mhux għand il-maġistrat.

Meta tkellem dwar il-binja tal-qorti, Karol Aquilina qal li jinħass li l-bini tal-qorti għadda żmienu u m’għadux komdu. Hu qal li minkejja l-wegħdi li kienu saru biex ikun estenzjoni għal binja fi Strada Stretta għal erba’ awla, jidher li ma sar xejn, m’hemmx pjan kif dan se jkun finanzjat u minn erba’ awli li issa saru tlieta.

Il-gvern naqqas €300,000 minn dan l-investiment. Is-sena d-dieħla dan il-proġett se jitwettaq? Għad hemm problemi kbar ta’ nuqqas ta’ spazju fil-qorti. Problema kbira hi marbuta mat-traskrizzjoniiet.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern qed jivvota biss €100,000 għall-bini tal-Qorti ta’ Għawdex meta b’dan l-ammont mhux possibbli dan il-proġett isir. Il-gvern għandu jispjega l-pożizzjoni dwar dan. Il-vot għall-kumpens għall-vittmi tar-reati issa tniżżel għal €1,000 meta dan hu ammont li ma jgħmilx sens.

Il-Kummisjsoni Kontra l-Korruzzjoni għandha budget ta’ €150,000; dan hu messaġġ li l-gvern ma jridx li din il-Kummissjoni tibqa’ taħdem.

Hu tkellem dwar l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u qal dan ir-rwol għandu element ta’ trasparenza u kontabbiltà marbuta miegħu. Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Avukat Ġenerali (AĠ) jista’ jiddeċiedi li ma jieħux passi kontra xi ħadd. Sa ftit snin ilu l-proċedura kienet li meta l-AĠ jiddeċiedi li ma jieħux passi, kien jagħmel nota fil-file u jibgħat rapport lill-President.

F’każ il-qorti ġibdet l-attenzjoni li l-AĠ mhux ‘il fuq mil-liġi u ma jistax jieħu deċiżjonijiet li ma jagħmlux sens; għandu jkun hemm spjega għaliex ittieħdu dawn id-deċiżjonijiet.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li kienet ilha ssir mistoqsija fil-parlament li fiha l-Ministru tal-Ġustizzja jintalab jgħid kemm l-AĠ ħa deċiżjonijiet li jwaqqaf prosekuzzjonijiet u ma jieħux passi. Kull ministru dejjem ta din l-informazzjoni dettaljata dwar id-deċiżjonijiet tal-AĠ; iżda issa din l-informazzjoni mhix tingħata.

Karol Aquilina staqsa kif allura l-poplu jista’ jkun jaf x’wassal għal ċertu deċiżjonijiet mill-AĠ jekk ma tingħata l-ebda informazzjoni lanqas lill-maġistrat. Din hi segretezza totali ta’ funzjoni pubblika fejn il-liġi tagħti dritt ta’ stħarriġ ġudizzjarja meta ma jkunx hemm l-informazzjoni neċessarja.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li din is-sitwazzjoni trid tkun indirizzata billi l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari b’mod dettaljat u billi jsir proċess ta’ tibdil fil-liġi u jiddaħħal l-obbligu li l-AĠ jinforma lill-ministru dwar id-deċiżjonjiet liema deċiżjonijiet jtipoġġew fuq il-mejda tal-Kamra fi żmien ġimgħa.