Miljuni ta’ Amerikani qed jistennew bil-ħerqa għar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-mid-term li jsiru f’nofs l-amministrazzjoni u meta l-futur tal-Kungress ta’ Washington baqa’ mhux deċiż.
Dan waqt li kienu qed joħorġu dejjem aktar riżultati minn diversi Stati u meta mistenni li l-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni għandu jieħu l-kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Uffiċjali ewlenin tal-Partit Repubblikan, iżda, ammettew li r-riżultati mhumiex jidhru tajbin daqskemm kienu qed jistennew fost indikazzjonijiet li l-maġġoranza potenzjali fil-Kamra tar-Rappreżentanti għandha tkun ħafna anqas mill-pronostiku ta’ qabel il-mid-terms.
Sadanittant, it-taqtigħa bejn id-Demokratiċi u r-Repubblikani għall-kontroll tas-Senat qed tidher bħala wisq missielta u bit-tellieqa bejn il-partiti ewlenin qed tkompli .
Madankollu, kien hemm żvilupp importanti f’Pennsylvania fejn il-kandidat Demokratiku, John Fetterman, għeleb lir-rivali Repubblikan Mehmet Oz għal siġġu fis-Senat. Pennsylvania hi fost l-hekk-imsejħa key States għal kull elezzjoni u dejjem toħloq taqtigħa ħarxa bejn iż-żewġ partiti.
Iżda l-Amerikani għadhom qed jistennew ir-riżultati minn Stati oħrajn u li għandhom jiddeċiedu l-kompożizzjoni tas-Senat għas-sentejn li jmiss.
U fl-Istat ta’ Georgia – ukoll importanti għal kwalunkwe elezzjoni fl-Istati Uniti — it-taqtigħa għar-rappreżentant ‘lokali’ fis-Senat x’aktarx li jkollha tgħaddi minn vot deċiżiv li mistenni jsir fl-ewwel parti ta’ Diċembru.
Filwaqt li l-eks President tal-Istati Uniti, Donald Trump, mistenni jħabbar dalwaqt il-kandidatura għall-Presidenza tal-Istati Uniti, l-aħħar indikazzjonijiet mill-elezzjonijiet tal-mid-term kienu pjuttost diżappuntanti għalih. Dan meta numru ta’ kandidati Repubblikani li Trump kien ippromwova personalment spiċċaw ifallu fit-tragwardi rispettivi.
L-aqwa riżultat s’issa għar-Repubblikani kien ipprovdut mill-Gvernatur ta’ Florida, Ron DeSantis, li ngħata konferma kbira mill-votanti tal-Istat li huma sodisfatti bil-kapaċitajiet tiegħu. Dan jista’ ifisser ukoll li DeSantis kapaċi jiddeċiedi biex jikkuntesta għall-Presidenza Amerikana fuq it-tikketta tar-Repubblikani.
L-elezzjonijiet tal-mid-term huma anki sinifikanti għall-issue tal-abort u meta s-sostenituri ‘tal-għażla’ qegħdin jiċċelebraw il-fatt li d-drittijiet relatati mal-abort, ‘il quddiem, se jkunu fissati bħala liġi fl-Istati ta’ Vermont, Michigan u Kalifornja.
Il-konkorrenza tal-votanti għal dawn l-elezzjonijiet tal-mid-term kienet it-tieni l-ogħla f’aktar minn 50 sena, iżda hi wkoll anqas mill-konkorrenza reġistrata fil- midterms preċedenti li saru fl-2018.
//= $special ?>

