Internazzjonali

L-Italja: Terremot qawwi jinħass ukoll fl-Istati tal-Balkani

L-Italja, fl-aħħar sigħat, intlaqtet minn terremot li l-effetti tiegħu nħassu fiz-zoni ċentrali tal-pajjiż kif ukoll f’xi reġjuni tal-Balkani.

L-epiċentru tat-theżżiża, li mmarkat 5.5-fuq l-Iskala Richter, kien irreġistrat fl-inħawi ta’ Rimini, resort famuż maġenb il-baħar. Intant, numru ta’ djar spiċċaw jitriegħdu waqt l-eqqel tat-terremot iżda għalkemm dawn ġarrbu l-ħsarat żgħar ma kienx hemm xi rapporti dwar vittmi.

Madankollu, l-iskejjel ingħalqu fi bnadi tar-reġjun ta’ Marche, bil-ferroviji ma jaħdmux fir-rotot madwar Ancona, fost suspetti li l-binarji kellhom ikunu affettwati wkoll mit-theżżiż tal-art.

It-terremot kellu fond ta’ tmien kilometri, bit-theżżiż tiegħu jinħass anki fil-kapitali Ruma u l-belt ta’ Bologna. It-theżżiż tal-art sussegwenti, intant, affettwaw anki lis-Slovenja, il-Kroazja u l-Bosnia Herzegovina man-naħa l-oħra tal-Baħar Adrijatiku.

Dan wara li l-aktar theżżiża tal-art b’saħħitha f’Rimini kienet segwita minn sensiela ta’ theżżiż anqas qawwi magħrufin bħala aftershocks.

Mal-ewwel ħjiel tat-terremot, ir-residenti f’Ancona ħarġu jiġru barra t-triq fost paniku sħiħ, b’uħud jirrakkuntaw li kienu raw ‘kollox jitheżżeż quddiemhom’.

Iżda minkejja l-livell ta’ allarm għoli, l-awtoritajiet għall-emerġenzi konfermaw li ma kienu rċevew l-ebda talbiet għall-għajnuna immedjata.