Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed ifakkru l-25 anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetà Mużikali Santa Margerita V.M. Ta’ Sannat, nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru 2022 ser jiġi esegwit għall-ewwel darba l-Oratorju ġdid bl-isem ‘Margerita t’Antijokja’ b’mużika tas-Surmast Ray Sciberras u lirika ta’ Joseph Mifsud.
L-Oratorju ser jiġi esegwit mill-Banda Santa Margerita V.M. taħt id-direzzjoni tas-Surmast George Apap bil-parteċipazzjoni tas-solisti: Georgina Gauci (Sopran); Graziella Debattista (Alto); Alan Sciberras (Tenur) u Albert Buttigieg (Baxx). Jieħu sehem ukoll il-kor ‘Ulied Margerita’ immexxi minn Mariella Spiteri Cefai. Dan l-Oratorju jirrakkonta l-ħajja, il-martirju u l-glorja ta’ Santa Margerita Verġni u Martri, Patruna tar-raħal ta’ Sannat.
L-Oratorju ‘Margerita t’Antijokja’ ser jittella’ nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru fis-7.00pm fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Margerita taħt il-patroċinju tal-E.T. Frank Zammit, Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede.