Lokali Qorti

Taħfer lil ħuha li serqilha d-deheb u karus bil-flus ta’ uliedha

Mara mill-Marsa ħafret lil ħuha ta’ 25 sena li serqilha deheb u l-karus bil-flus tat-tfal biex isostni l-vizzju tad-droga. Hija ddeċidiet ukoll li ma tkomplix bil-kawża li l-Pulizija pproċediet kontra ħuha u kien għalhekk li l-kawża waqgħet. Iż-żagħżugħ kien qed jiġi mixli li wettaq is-serqa mid-dar fejn joqogħdu fis-26 ta’ Settembru 2021.

Il-mara xehdet li wara li ndunat bis-serq bdiet tibki u meta ratha hekk ommha qaltilha li se tkellem lil ħuha. Iż-żagħżugħ ammetta m’ommu li kien seraq lil oħtu u li biegħ il-ġiżirana u l-imsielet lil ħanut tad-deheb. Huwa wiegħed li jħallas lura dak li seraq u fil-fatt ta lil oħtu €500 tad-deheb u €200 li kienu fil-karus.

Waqt is-seduta ta’ l-14 ta’ Marzu 202212, oħtu għarrfet lill-Qorti illi l-imputat kien ħallas il-valur ta’ l-oġġetti misruqa. Hija reġgħet xehdet fis-seduta ta’ l-4 ta’ Ottubru 2022 fejn iddikjarat li “jiena nagħżel li naħfirlu biex nagħlqu dan il-kapitlu fil-paċi”.

Għall-mistoqsija tad-Difensur tagħha stess, inti se tirrinunzja għal dan il-każ, jiġifieri se tgħid li m’għandekx iktar interess fih? Il-mara wieġbet iva, eżatt u mistoqsija mill-ġdid inti qed tirrinunzja jiġifieri? hija wieġbet “lili ħallasni ta’ kollox li kien hemm dovut u m’għadnix noqgħod fl-istess dar, allura nagħżel li naħfirlu”.

Il-mara qalet li hija għamlet rapport lill-Pulizja mhux għax hi kattiva imma għax tixtieq li ħuha jfiq mill-vizzju. Hija nfurmat ukoll lill-Maġistrat Gabriella Vella li ħuha ħallasha lura u li ma xtaqitx tkompli tipproċedi kontrih. Għal din ir-raġuni l-Maġistrat Vella laqgħet it-talba tal-mara u ddikjarat il-proċeduri magħluqa. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Paul Camilleri.