Lokali Parlament

Tentattiv mill-gvern biex ir-rapport li stabbilixxa ksur tal-linji gwida tal-ministri f’suppliment fil-’KullĦadd’ ma jkunx addottat

Il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma ħax deċiżjoni jekk jaddottax ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li stabilixxa ksur tal-linji gwida f’suppiment b’riklami tal-gvern fl-okkażjoni tas-sentejn tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela fil-gazzetta Laburista ‘KullĦadd’. Deċiżjoni se ttieħed f’seduta oħra.

Il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ltaqa’ biex jiddeċiedi jekk jaddottax ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler dwar dan il-każ.

Fis-27 ta’ Ġunju 2022 il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards approva l-pubblikazzjoni ta’ rapport maħruġ mill-Kummissarju għall-Istandards li jittratta dwar riklami uffiċjali f’suppliment fil-gazzetta Laburista ‘KullĦadd’ fis-16 ta’ Jannar 2022 biex ifakkar is-sentejn minn meta l-mexxej Laburista Robert Abela sar Prim Ministru. Is-suppliment kien fih 32 paġna, li l-parti l-kbira minnhom kienu biss riklami tal-gvern. Fis-suppliment dehru 18-il riklam tal-gvern.

Il-Kummissarju għall-Istandards ikkonkluda li ma kienx ġustifikat li riklami uffiċjali jiġu ppubblikati fis-suppliment, għaliex l-għan tas-suppliment kien li jfaħħar mexxej politiku u jiċċelebra t-tieni anniversarju tal-ħatra tiegħu.

Pubblikazzjoni bi skop politiku bħal dan ma kellhiex tiġi appoġġjata permezz ta’ riklami uffiċjali mħallsa minn fondi pubbliċi. Il-Kummissarju qal li dan kien jirrappreżenta ‘t-tħassir tal-linja li tissepara gvern minn partit’, sostna l-Kummissarju għall-Istandards.

Ir-rapport stabilixxa wkoll li diversi riklami kienu jinkludu ritratti ta’ ministri u xi wħud kien fihom ukoll kontenut ta’ natura partiġġjana. Dan jirrappreżenta ksur tal-linji gwida tal-Kummissarju.

Il-Kummissarju ssottometta r-rapport tiegħu dwar il-każ lill-Kumitat għall-Istandards fl-1 ta’ Ġunju 2022. Il-Kumitat iddiskuta r-rapport għall-ewwel darba fis-27 ta’ Ġunju u qabel li għandu jiġi ppubblikat. Il-Kumitat iltaqa’ biex jiddeċiedi jekk għandux jadotta r-rapport.

Il-kumitat tmexxa mill-Ispeaker Anġlu Farrugia waqt li l-Gvern kien rappreżentat mill-Whip Laburista Andy Ellul u l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard. Għall-Oppożiżżjoni pparteċipaw id-deputati Mark Anthony Sammut u Ryan Callus.

Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal li f’dan is-suppliment kien hemm użu ta’ riklami favur il-partit fil-gvern b’imġieba aggravata ta’ ministri. Dan quddiem konklużjoni ċara fejn is-suppliment tħallas minn fondi pubbliċi u sar b’mod partiġġjan. Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika rrakomanda li, kif isr fil-parlament Ingliż, kull min uża r-riżorsi pubbliċi għandu jkun mitlub iħallas lura l-fondi pubbliċi, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Il-Whip Laburista Andy Ellul qal li dan is-suppliment kien qed ifakkar sentejn ta’ ħidma tal-Prim Ministru Robert Abela f’ċirkostanzi straordinarji u sostna li l-interess nazzjonali kien jirrikjedi wkoll li l-poplu jingħataw injezzjoni morali.

Id-deputat Labrista daħal fid-dettal ta’ kull paġna u qal li dan is-suppliment kien jitratta l-ħidma tal-gvern f’diversi setturi fosthom issaħħaħ, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni, l-anzjani u dwar Għawdex. Hu qal li f’dawn ir-ritratti l-ministri u s-segretarji parlamentari bilkemm jingħarfu.

Dwar ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards, il-Whip Laburista qal li l-Kummissarju m’għamilx investigazzjoni dwar diskriminazzjoni fil-konfront ta’ media houses oħra minbarra l-media house tal-PL permezz tal-’KullĦadd’. Hu qal li l-Linji Gwida tal-Kummissarju għall-Istandards ma jistgħux ikunu implimentati fuq id-deputati.

Il-Mninistru tal-Ġustizzja Jonathan Attard qal li l-fatt li l-gvern għamel suppliment fil-gazzetta Laburista ‘KullĦadd’ ma kienx jammonta għal diskriminazzjoni kontra gazzetti oħra għaliex ma kienx hemm talbiet minn xi gazzetti oħra biex isir suppliment.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li mhux veru li l-Kummissarju ma daħalx fil-kwistjoni tad-diskriminazzjoni anzi qal kien hemm mekkaniżmu biex partit fil-gvern jiġi finanzjat minn fondi pubbliku.

Il-’Kullħadd’ hu organu ta’ partit politiku, sostna Ryan Callus, li qal li kien hemm diskriminazzjoni bejn media houses differenti. Hu sostna li d-diskriminazzjoni tinħoloq anki bejn uffiċjali tal-istess partit politiku fil-gvern.

Ryan Callus kompla li diskriminazzjoni oħra hi bejn partiti differenti u sostna li jekk dan ir-rapport ma jkunx addottat allura dan il-każ jista’ jeġa jseħħ. Hu semma’ l-każ tad-deputat Laburista Carmelo Abela li diġa kien trattat iżda ma kienx addottat minħabba li intqal li ma kien hemm linji gwida. Issa l-gvern qed jgħid li dawn il-linjhi gwida m’humiex liġi, sostna Ryan Callus.

Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal li t-titlu tas-suppliment kien ‘Robert Abela Sentejn Prim Ministru’; li juri kemm dan is-suppliment hu partiġġjan. Il-ksur hu tal-Kodiċi tal-Etika tal-ministri u mhux tal-linji gwida.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li jaqbel mal-Linji Gwidi li hemm, anzi għandhom jizdiedu fosthom dwar id-definizzjoni ta’ x’inhu rigal. Hu sostna li jaqbel mar-rapport kif inhu iżda għandhom ikunu kkunsidrati l-aspetti penali.

L-Ispeaker sostna li ma jistax jagħti sanzjoni minħabba li m’hemmx leġislazzjoni sussidjarja. Issa jrid ikun il-gvern li jdaħħal dawn ir-regoli biex ħadd ma jkollu skużi li jista’ jġib fl-applikazzjoni tal-liġi.

Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal li anki kieku l-linji gwida ma sarux, qed jinkiser il-Kodiċi ta’ Etika fuq erba’ aspetti fosthom l-użu tal-fondi pubbliku u r-rispett tal-imparzjalità tas-servizz pubbliku. Is-sanzjoni għandha tingħata bl-istess mod li l-Kummissarju wasal għall-konklużjoni għalliex diġà hemm ksur tal-Kodiċi ta’ Etika. Hu qal li f’dan il-każ allura l-Kodiċi tal-Etika jista’ jintrema għaliex hu kollu suġġettiv.