Internazzjonali

Iċ-Ċina: Imut riformista famuż ta’ żmien ‘Tiananmen’ fl-età ta’ 90 sena

L-aktar uffiċjal għoli tal-Partit Komunista Ċiniż li kien skonta l-priġunerija dwar il-protesti storiċi tal-1989 fi Pjazza Tiananmen, miet f’Beijing fl-età ta’ 90 sena.

Bao Tong, riformista ewlieni, fis-snin tmenin kien iġġieled għall-bidliet politiċi waqt id-dimostrazzjonijiet favur id-demokrazija f’Beijing. Iżda wara li kien kisser lill-moviment għad-demokrazija, il-Partit Komunista Ċiniż għażel li jkeċċi lil Bao, li wara spiċċa kkundannat għal seba’ snin ħabs.

Intant, Bao Tong qed jibqa’ meqjus bħala eroj għaliex ma rtira qatt mill-ideali tiegħu quddiem livell inkredibbli ta’ intimidazzjoni. Dan anki waqt li l-Armata Ċiniża kienet qed timmassakra lill-għexieren ta’ studenti u attivisti favur id-demokrazija fil-pjazza ewlenija ta’ Beijing, f’Ġunju tal-1989.

Fis-snin ta’ wara, iċ-Ċina ħadet ħsieb li ‘tisparixxi’ id-dettalji tal-protesti fi Tiananmen mir-rekords pubbliċi. Illum, ma hemm l-ebda data dwar il-massakru fiċ-Ċina, bil-veru ammont tal-maqtula fi Tiananmen għadu mhux magħruf.

U filwaqt li l-attivisti Ċiniżi madwar id-dinja qegħdin isellmu b’rispett kbir lill-memorja ta’ Bao, l-aħbar ta’ mewtu ma qanqlet l-ebda reazzjoni f’pajjiżu, fejn l-Internet hu ċensurat u kontrollat bir-reqqa. Anki llum, wieħed ma jistax isib l-isem ta’ Bao fuq il-Weibo, il-versjoni Ċiniża ta’ Twitter, minħabba ‘l-liġijiet u r-regolarment speċifikati’ għall-poplu taċ-Ċina.