Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Mal-200,000 militar maqtula mill-bidu tal-konflitt

Rapport li ħareġ mill-Istati Uniti qed jikkalkula li mal-100,000 suldat Russu u ‘madwar 100,000 suldati Ukreni’ tilfu ħajjithom jew sfaw midruba mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna ‘il hawn.

Il-Ġeneral Mark Milley, li hu ċ-Chairman tal- US Joint Chiefs of Staff, anki suġġerixxa li mal-40,000 ċivili Ukreni wkoll inqatlu wara li spiċċaw fl-eqqel tal-konflitt. Dawn huma wkoll l-ogħla kalkoli tal-vittmi tal-gwerra fl-Ukrajna qatt provduti minn Uffiċjal għoli tal-Punent. Fl-istess ħin, Milley qal li hemm sinjali li l-Ukrajna lesta biex tissieħeb mill-ġdid f’taħditiet ma’ Moska u meta r-Russja ‘qed toffri opportunità ġdida għan-negozjati’.

Fl-aħħar jiem, l-Ukrajna indikat tassew ‘rieda’ li tiddjaloga ma’ Moska wara li l-President Zelensky warrab għad-domanda biex il-President Russu Vladimir Putin jitneħħa mill-poter ‘qabel jistgħu jsiru xi taħditiet bilaterali’.

Il-Ġeneral Milley qal li taħditiet bħal dawn jirnexxu biss f’każ li l-Ukrajna u r-Russja jaslu ‘f’patt reċiproku ta’ għarfien li rebħa waqt il-gwerra x’aktarx li ma tintlaħaqx bil-mezzi militari iżda b’mezzi oħrajn li jinkludu d-djalogu’.