Ir-Russja ħarġet direttiva speċifika biex il-militar tagħha jirtira għal kollox mill-belt ewlenija ta’ Kherson…Belt li hi wkoll l-unika kapitali ta’ reġjun Russu li waqgħet taħt idejn it-truppi tal-Kremlin mill-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna, lejn l-aħħar jiem ta’ Frar.
Filwaqt li l-Ukrajna qed issegwi l-iżviluppi kontinwament u b’livell sostanzjali ta’ kawtela, kwalunkwe irtirar minn Kherson għandu jfisser daqqa ta’ ħarta sinifikanti għar-Russi. Dan għaliex it-tluq tas-suldati Russi għandu jikkonferma t-tmiem tal-preżenza militari ta’ Moska miz-zona tal-Punent qrib ix-Xmara Dnipro.
Intant, fl-aħħar sigħat, il-Ministeru għad-Difiża Russu ħabbar li l-qawwiet tiegħu kienu ‘diġà’ ħerġin mir-reġjun ta’ Kherson u meta huma mistennija jkunu stazzjonati man-naħa l-oħra tad-Dnipro.
Il-Kmandant Suprem tal-qawwiet Russi fl-Ukrajna, il-Ġeneral Sergei Surovikin, qal, sadanittant, li mgħadux possibbli li pajjiżu jkompli jwassal il-provvisti lill-militar stazzjonati f’Kherson. Madankollu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li pajjiżu qiegħed attent ħafna biex ma jieħux deċiżjonijiet mgħaġġlin fiċ-ċirkustanzi.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li d-deċiżjoni għall-irtirar minn Kherson qed turi li l-militar Russu għandu l-problemi sinifikanti.
Dan fost rapporti li ċ-ċivili Ukreni f’Kherson, issa, qed jirrifjutaw li jitilqu mill-belt wara l-ħruġ tal-eluf tar-residenti mill-inħawi bħala parti minn deportazzjoni sfurzata taħt l-amministrazzjoni tar-Russi. Ir-residenti ta’ Kherson, fil-fatt, qed jidhru li ħadu nifs ġdid dwar il-possibbiltà li s-suldati Russi jitilqu kollha mill-belt tagħhom.
Ir-Russi qed ifissru t-tluq taċ-ċivili minn Kherson bħala ‘evakwazzjoni kontrollata’ iżda l-movimenti issa staġnaw, bl-awtoritajiet lokali leali għal Moska jsostnu li ‘in-nies li fadal fil-belt ma jridux jitilqu minn hemmhekk’. It-theddid mhux qed jonqos, bl-awtoritajiet favur il-Kremlin qed jgħidu li r-residenti li jibqgħu f’Kherson mhumiex se jirċievu aktar salarji u benefiċċji.
//= $special ?>

