Lokali

Il-Ministru Owen Bonnici kellu jaġixxi b’mod immedjat quddiem il-fastidju sesswali – MNPN

Fi stqarrija, Il-Moviment Nisa tal-Partit Nazzjonalista jiddeplora bis-saħħa kollha n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Ministru Owen Bonnici f’każ ta’ fastidju sesswali fl-Orkestra Nazzjonali.

Il-fastidju sesswali huwa reat u Kapitlu 456 jgħid ċar li t-terminu li min hu responsabbli għandu jressaq l-ilment huwa ta’ 10 ijiem. Il-vittmi ta’ fastidji sesswali jgħaddu minn trawma u effett negattiv fuq diversi aspetti tal-ħajja tagħhom, kemm psikoloġiċi iżda wkoll tax-xogħol u f’relazzjonijiet personali. 

Il-messaġġ li għandu dejjem jingħata f’każijiet ta’ fastidji sesswali huwa ‘zero tolerance’ u dan jista’ jsir biss b’azzjoni immedjata u ġusta.

B’ammissjoni pubblika tiegħu stess, il-Ministru Owen Bonnici mhux biss baqa’ lura milli jieħu azzjoni u ma’ rrapurtax il-fastidju sesswali lill-Pulizija kif kien obbligat li jagħmel, imma ħalla ż-żmien jgħaddi biex persuni oħra setgħu ġew influwenzati biex jisktu quddiem dan l-abbuż.

Il-MNPN jikkundanna bla riżervi l-attakk personali li l-istess Ministru qed jagħmel fuq il-Kelliema Julie Zahra u joffrilha l-appoġġ sħiħ tiegħu.