Il-parlament Malti sellem lill-ex Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici f’seduta li fiha tkellmu l-Prim Ministru Robert Abela, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u diversi deputati miż-żwġ naħat.
Il-politiċi għandhom dejjem jagħżlu s-sewwa – il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Gerch qal li Karmenu Mifsud Bonnici kien persuna kwieta, b’sens kbir ta’ umoriżmu, kien determinat f’dak li jemmen u kien kollega intelliġenti li għin ħafna nies bħala avukat.
Karmenu Mifsud Bonnici kien politiku li ħaddan konvinzjoni li ma nbidlitx maż-żmien, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li Karmenu Mifsud Bonnici mexxa lil dan il-pajjiż f’wieħed mill-iktar perjodu diffiċli tal-istorja politika Maltija; it-tmeninijiet.
Il-politiċi għandhom l-obbligu li jittrasformaw il-prinċipji u l-valuri tagħhom f’politika ta’ ġid għall-poplu; politika li fiha l-poplu jkollu d-dritt li jagħmel l-għażliet liberi tiegħu fis-setturi kollha fosthom l-edukazzjoni, id-dritt tal-assoċjazzjoni u l-libertà tal-espressjoni. Jekk dan ma jsirx, il-politiċi jonqsu lejn il-poplu Malti.
Bernard Gerch qal li l-obbligu tal-politiċi, partikolarment il-mexxejja tal-partiti, hu li jieqfu quddiem l-abbużi, ma jittollerawx il-vjolenza politika u jkunu hemm – fuq quddiem – għal dawk li jkunu qed ibatu l-inġustizzji soċjali. Iridu jkunu huma li jwaqqfu d-diskriminazzjoni fis-soċjetà u jmexxu bl-eżempju, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li l-politiċi jridu jwettqu fil-prattika it-twemmin tagġhom.
L-istorja politika ma tinkitibx biss mill-istoriċi; iżda tinkiteb ukoll minn dawk li għexuha u minn dawk li esperjenzawha, sostna Bernard Grech, li kompla li kull politiku jidħol fil-politika biex jagħmel il-ġid, skont il-valuri u l-prinċipji li jemmen fihom. Huma dawn il-valuri li għandhom imexxuna biex fil-ħajja tagħna – politika u mhix – nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin; aħna obbligati nagħżlu s-sewwa, dejjem, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Imħabba kbira għall-ħaddiem – Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Karmenu Mifsud Bonnici kellu mħabba kbira għall-ħaddiem u sostna li hu kburi ħafna li Karmenu Mifsud Bonnici kien Mexxej Laburista li ħadem f’mument diffiċli tal-politika “li kienu ġejjin miż-żewġ naħat tal-ispettru politiku”.
Hu sostna li kien sinifikattiv il-mod kif Karmenu Mifsud Bonnici daħal fil-politika b’mod mhux naturali. Bejn l-1984 u l-1987, bħala Prim Ministru, Karmenu Mifsud Bonnici għaraf jiggwida lejn riformi kruċjali u riformi waqt li ta bidu għal “ċertu modernizzazzjoni”.
Il-Prim Ministru, li semma’ l-emendi kostituzzjonali li jitrattaw il-prinċipju li tiggverna l-maġġoranza. Mhux dejjem kien hemm garanzija dwar dan, sostna l-Prim Ministru, li sostna li kien taħt Karmenu Mifsud Bonnici li dawn l-emendi twettqu; liema emendi li ġabu “stabbiltà”.
Ma kienx jagħmel distinzjoni bejn Laburisti u Nazzjonalisti – Ispeaker Anġlu Farrugia
L-Ispeaker Anġlu Farrugia tkellem dwar esperjenzi personali kellu ma’ Karmenu Mifsud Bonnici u qal li kien Karmenu Mifsud Bonnici li ħajru biex joħroġ għall-politika. Hu sostna li Karmenu Mifsud Bonnici kien xellugi u kompla li kien baqa’ jżur lil Karmenu Mifsud Bonnici sal-aħħar mumenti tiegħu.
L-Ispeaker qal li Karmenu Mifsud Bonnici qatt ma’ kien jagħmel distinzjoni bejn Laburisti u Nazzjonalisti u kien jgħin lil kulħadd.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li kull min ikun fil-politika joħloq narrattiva dwaru nnfisu; il-mod kif ikun irid li jidher quddiem in-nies.
Karmenu kien biedem ta’ stoffa politika – id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne
Id-Deputat Prim Ministru Fearne sostna li min jitkeb l-istorja għandu jiffoka fuq dak li kien verament Karmenu Mifsud Bonnici. Hu tkellem dwar in-narrattiva tal-PN dwar Karmenu Mifsud Bonnici li kienet li hu kien persuna tant tajjeb u kwiet li ma kellux awtorità fuq il-politiċi tal-partit tiegħu u li kien persuna li flok kien jgħaġen l-istorja hu, kien jimxi mal-kurrent.
Min kien jaf lil Karmenu Mifsud Bonnici jaf li hu kien persuna differenti għax kien kalm u kien jirbaħ l-argumenti. Mhux minnu li Karmenu Mifsud Bonnici ma kienx kapaċi jmexxi lil dawk ta’ madwaru għaliex Karmenu Mifsud Bonnici kien bniedem ta’ stoffa u awtorevoli, sostna l-Ministru Fearne.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Ferane semma’ lill-ex Ministru Lorry Sant u qal li dan kien politiku aggressiv tant li lanqas Mintoff ma kien isibha faċli jikkontrollah. Kien biss KMB li rnexxielu jġib lil Lorry Sant f’postu u kien sospiż mill-Partit Laburista; ħadd ma kellu s-saħħa jagħmilha, sostna Chris Fearne.
Id-Deputat Prim Mnistru kompla li fl-1981, il-MLP kien ġab inqas voti mill-PN imma ġab iktar deputati; dawn kienu snin turbulenti. Hu sostna li l-aktar ħaġa faċli għal Prim Ministru Laburista kienet li ma jwettaqx l-emendi kostituzzjonali; iżda quddiem il-ħafna Laburisti li ma riedux li tinbidel il-kostituzzjoni, f’Jannar tal-1987 inbidlet il-kostituzzjoni. Din kienet xi ħaġa li aġevolat lill-PN, sostna d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li ddeksrieva lil Karmenu Mifsud Bonnici bħala persuna li ħalla “legat kbir’ fil-mod kif jitmexxa l-pajjiż.
Bniedem riservat li jħobb lill-familja – Paula Mifsud Bonnici, PN
Id-deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici, li hi neputija ta’ Karmenu Mifsud Bonnici, qalet li Karmenu Mifsud Bonnici kien bniedem riservat iżda għall-familja ma kienx il-politiku u sostniet li ħadd u xejn ma fired lill-familja Mifsud Bonnici.
Il-politika kienet ineżistenti fil-familja Mifsud Bonnici; irrid nibqa’ niftakar liz-ziju Karm li ħabb ħafna lin-neputijiet u lil ħutu daqs li kieku kienut tiegħu.
Iz-ziju Karm kien dak iz-zijju li kien joħodna ngħumu u li biex jinkina kien jistaħba qalb il-mijiet ta’ kotba u dokumenti u teżijiet. Iz-ziju Karm, meta kien Prim Ministru, kien jagħti ċ-ċavetta lill-pulizija li kien ikollu quddiem il-bieb biex dan ma joqgħodx barra iżda joqgħod fiha matul l-lejl u filgħodu, flok iqajmu, kien jimxi sa Kastilja.
Iċ-ċekk tiegħu ta’ Prim Ministru kien iqassmu lil min kien ikun bil-ġuħ; kien jiftaħ kawżi legali għas-spejjeż tiegħu. Kien jagħmel minn kollox għall-ħaddiem u għall-batut. Kien għaref, espert fil-liġi ta’ tassazzjoni u espert fil-liġi industrijali, sostniet id-deputat Nazzjonalista.
Paul Mifsud Bonnici qalet li Karmenu Mifsud Bonnici bata ħafna għaliex is-saħħa tiegħu kienet batuta. Aħna xtaqna nkomplu bix-xewqa tiegħu li ma xtaqax funeral statali, sostniet Paul Mifsud Bonnici, li kompliet fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu, zijuha beda jitlob lill-Ħallieq biex jieħdu lejn l-isbaħ post tad-dinja.
Paula Mifsud Bonnici ppeżentat lill-parlament it-teżi li għamel Karmenu Miufsud Bonnici dwar il-liġi f’Malta mill-aspett ta’ relazzjonijiet industrijali biex tinżam fil-librerija tal-parlament.
Kellu ħafna virtujiet li poġġiehom għad-dispożizzjoni tal-pajjiż – Carm Mifsud Bonnici, PN
Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici, li wkoll jiġi n-neputi ta’ Karmenu Mifsud Bonnici, qal li Karmenu Mifsud Bonnici kellu ħafna virtujiet li poġġiehom għas-servizz tal-pajjiż, kien intelliġenti, ta ħafna f’ħajtu lil dawk li talbuh l-għajnuna.
Kien avukat li ħadem għan-nies bla ma jitħallas; bniedem tal-liġi f’kull sens fejn il-klijenti kienu jingħataw l-aqwa difiża. Hu sostna li Karmenu Mifsud Bonnici kellu mħabba lejn il-liġi tant li kiteb il-Liġi Industrijali tal-1976; kien għalliem ġeneruż fl-università fejn għallem lil ħafna biex ikunu aħjar minnhom. Kien jgħin biex kull student jgħaddi u l-onorarja tal-università kien jiġbru biex jieħu lill-istudenti jieklu miegħu.
Karmenu Mifsud Bonnici kien iħaddem il-ġustizzja soċjali, sostna Carm Mifsud Bonnici, li semma’ l-kontribut kbir li ta Karmenu Mifsud Bonnici lill-GWU bla ma kien jitħallas.
Hu kompla li Karmenu Mifsud Bonnici daħal fil-poltika meta l-korruzzjoni u l-vjolenza kienu jimxu flimkien iżda serva biex naddaf u ddritta kemm seta’ dak li sab il-MLP. Hu kien il-bniedem li taħtu saret il-bidla fil-gvern meta l-poplu vvota lill-PL fl-1987. Karmenu Mifsud Bonnici kien determinanti biex jgħaddu ċertu liġijiet fil-parlament, kien bniedem ta’ kultura u qari u kellu wkoll l-aspett sportiv tiegħu fejn kien jappoġġja lill-Milan.
B’ton kommoventi, d-deputat Nazzjonalista qal li l-bniedem għandu jibqa’ mfakkar għall-merti tiegħu u għalhekk m’għandux dubju li, wara mewtu, Karmenu Mifsud Bonnici sab jistennewh lil ħutu u lill-Kunċizzjoni.
//= $special ?>