Internazzjonali

Iran: Attriċi Iranjana li rebħet l-Oscar tisfida lir-reġim ta’ Khamenei

Waħda mill-aktar attriċi famużi Iranjani ċirkolat ritratt tagħha mingħajr il-hijab fuq il-media soċjali – u bi sfida ċara lir-reġim tal-Ayatollah Ali Khamenei.

Il-hijab hi x-xalla tar-ras li n-nisa fl-Iran huma kostretti li jilbsu bilfors skont il-kriterji tal-Iżlam, bl-attriċi Taraneh Alidoosti tiddeċiedi li tippoża mingħajru għal ritratt li hi, imbagħad, bagħtet fuq Instagram biex turi solidarjetà mad-dimostrazzjonijiet li għaddejjin bħalissa kontra l-Gvern Iranjan fundamentalista….Dimostrazzjonijiet li ssarrfu fil-mijiet ta’ mejtin taħt il-magna tar-ripressjoni ta’ Khamenei, il-Mexxej Suprem tal-Iran.

Taraneh Alidoosti, li għandha aktar minn tmien miljun segwaċi fuq Instagram, hi magħrufa l-aktar għar-rwol tagħha fil-film The Salesman  li kien rebaħ Oscar fl-2016. Intant, hi għażlet li tibgħat ritratt tagħha waqt li qed tippoża bi slogan miktub bil-Kurd u li jwassal messaġġ favur ‘in-Nisa, il-Ħajja u l-Libertà’….Messaġġ li, illum, sar ‘l-innu’ taċ-ċivili Iranjani  li qegħdin jissugraw ħajjithom biex jipprotestaw għad-drittijiet tagħhom.

Alidoosti ħalfet li tibqa’ tgħix fl-Iran ‘għal kwalunkwe prezz’ u meta għalissa hi mhix tkompli bil-karriera ta’ attriċi biex tappoġġja lill-familji tal-Iranjani maqtulin mill-qawwiet tas-sigurtà tar-reġim matul il-protesti.

Intant, daħlu fis-seba’ ġimgħa d-dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern Iranjan u li nqalgħu wara l-qtil ta’ mara – Mahsa Amini – taħt idejn il-Pulizija għall-ħarsien tal-Moralità talli hi, allegatament, ma kenitx liebsa l-hijab bħalma jirrikjedu l-liġijiet Iżlamiċi.