Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li ta n-nar kumpless ta’ garaxxijiet

Żagħżugħ Rumen ta’ 24 sena, Ion Busuioc, ġie mixli li nhar il-Ħadd qabbad volontarjament kumpless ta’ garaxxijiet taħt l-art f’Tas-Sliema. Tant kemm in-nar ħakem li r-residenti fil-qrib kellhom jiġu evakwati minħabba l-periklu. Fortunatament ma ġew irrappurtati ebda ġrieħi.

Ir-raġel ġie mixli wkoll quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li kkaġuna ħsarat f’numru ta’ vetturi pparkjati li nqerdu bin-nirien. L-ebda dettalji dwar l-inċident jew l-investigazzjoni li wasslet għall-arrest ma ħarġu fil-Qorti, iżda r-raġel hu mifhum li ġie arrestat wara li ġie rikonoxxut minn filmati tas-CCTV li allegatament juruh jagħti n-nar BMW li ħadet in-nar.

L-inċident seħħ fi Triq Howard, Tas-Sliema, għall-ħabta tal-4.30am. Il-vetturi bil-ħsara, minbarra BMW 520D, kien hemm Land Rover, Honda u mutur KTM. Busuioc, li qal lill-Qorti li kien mastrudaxxa, wieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-Avukat Leontine Calleja, avukat difensur tal-akkużat, ma talbitx il-libertà proviżorja f’dan l-istadju. L-Ispetturi Mario Xiberras u Eman Hayman tħarrku, assistiti mill-avukati Nathaniel Falzon u Andreas Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.