Lokali

Jitħassar kuntratt kontroversjali tal-MPT li kellu jimpjega 15-il xufiera mir-Renju Unit

Malta Public Transport ħassret kuntratt ma kumpanija Ingliża li kienet se tipprovdi xufiera tal-karozza tal-linja li kienu se jitħallsu aktar minn xufiera impjegati minn Malta. Dawn il-ħaddiema kienu se jitħallsu t-triplu.

Dan seħħ wara pressjoni li saret mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia, u mill-UĦM Voice of the Workers.

Fi stqarrija, l-Malta Public Transport insistiet li m’għamlet xejn ħażin f’dan il-kuntratt iżda sostniet li kellhom nuqqas ta’ ħaddiema u xtaqu jġibu aktar ħaddiema mir-Renju Unit għal żmien temporanju.

Il-kumpanija tar-Renju Unit bagħtet 15-il xufier iżda dawn kienu għadhom ma bdewx jaħdmu b’mod uffiċjali u issa se jintbgħatu lura. Il-kumpanija qalet li bħalissa hemm 26 xufiera tal-linja li huma liċenzjati u qed jistennew biex jagħmlu l-eżami għas-Certificate of Professional Competence kif ukoll hemm 74 xufier li qed jitħarrġu iżda minħabba dewmien fil-permess u problemi bil-visa għadhom ma jistgħux jibdew jaħdmu. Dan kollu qed ifixkel lill-kumpanija milli topera kif suppost.

Malta Public Transport sostniet li ħadet dan il-pass sabiex ma jkollhomx nuqqas ta’ riżorsi umani u jkunu jistgħu jagħtu l-aħjar servizz possibli lin-nies.