Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal żagħżugħ li biddel ħajtu tant li issa qed jgħin lil ħaddieħor

Omer Abdella Salih, Eritrean ta’ 25 sena ġie kkundannat ħames xhur ħabs sospiżi għal sena mill-Maġistrat Nadine Lia wara li ammetta li fil-21 ta’ Ottubru li għadda għall-ħabta tas-siegħa ta’ wara nofs inhar seraq e-kick scooter minn Triq il-Karmelitani San Ġiljan. 

Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Keith Xerri spjegat li meta ġie arrestat mill-Pulizija, fl-4 ta’ Novembru li għadda, fuq il-persuna tiegħu nstabet id-droga kokaina. Huwa nstab ħati wkoll li għex ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ. Madankollu minn dak iż-żmien ‘l hawn iż-żagħżugħ biddel ħajtu għall-aħjar u li llum qed jgħin lil ħaddieħor li għaddej minn problemi.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-Qorti qalet li osservat li l-prosekuzzjoni esebit il-fedina penali ta’ l-imputat li hija netta u li fiha ma jinsabux reġistrati ebda sentenzi kontrih. Il-fatt ukoll li Salih irreġistra ammissjoni, meta tressaq u fl-ewwel oppotunita li kellu.

Qieset il-gurisprudenza tal-Qrati dwar tnaqqis fil-piena meta l-ħati jammetti fi stadju kmieni tal-process u
b’hekk jiffranka ħafna xogħol u spejjeż inutili għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja. L-imputat tqiegħed taħt ordni ta’ trattament għal sentejn.

Il-Qorti qieset ukoll li jirriżulta li fiż-żmien tar-reat l-imputat kellu vizzju tad-droga li kien ġabu jirrikorri ghall-kriminalità. Illi filwaqt dan mhuiex skużanti għall-aġir tieghu, huwa kunsiderazzjoni għal Qorti sabiex tikkunsidra
kwalunkwe ordnijiet oħra li tista’ taghti flimkien mal-piena.

Ix-xhieda ta’ l-uffiċjal tal-Probation jirriżulta li illum l-imputat għeleb il-vizzju tad-droga li għandu wara li għamel programmi tad-droga u baqa’ jattendi laqat regolari sabiex dejjem iżomm is-sapport biex ikompli fit-triq it-tajba. Jirriżulta li għandu xogħol fiss, qata l-vizzji u baqa jirriżulta mit-testijiet negattiv għad-droga u bena ħajja ġdida ġewwa Għawdex fejn ħeles mill-kumpannija hażina li kellu qabel.

L-imputat ukoll beda joffri servizzi tiegħu fil-volontarjat u jagħti għajnuna fiċ-ċentri għas-servizzi tad-droga.
Illi dan l-aġir huwa ferm pożittiv u għandu jiġi rikonoxxut għaliex l-imputat wera bl-azzjonijiet tiegħu li rrid ibiddel ħajtu, jiriabilita ruħu, jaghti sehem u kontribut fis-soċjetà u ma jkunx ta’ piħ jew ħsara lejn ħadd.