Lokali Qorti

Tliet uffiċjali tal-Ministeru ta’ Għawdex jibqgħu jirrapurtaw għax-xogħol minkejja li x-xahar li għadda ġew mixlija bi qtil involontarju

Tliet uffiċjali tal-Ministeru ta’ Għawdex akkużati bl-omiċidju involontarju ta’ raġel li miet waqt li kien fuq ix-xogħol is-sena l-oħra mhux se jiġu sospiżi. Dan fuq talba speċifika tal-Ministeru. Informazzjoni li ħarġet minn persuna li hija viċin il-Ministeru t’Għawdex qalet li jirriżulta li meta s-Segretarju Permanenti kien infurmat li tliet uffiċjali se jitressqu l-Qorti b’rabta mal-inċident, kiteb lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku billi rrakkomanda li dawn ma jiġux sospiżi sakemm isiru proċeduri ġudizzjarji.

Dan minħabba li dan huwa każ ta’ qtil involontarju, n-natura tal-akkużi u r-“record eżemplari” tagħhom. L-irġiel kienu akkużati x-xahar li għadda b’ċitazzjoni u sar min kollox biex jekk jista’ jkun dan il-fatt ma jiġix għal konnoxxenza tal-ġurnalisti jew tal-pubbliku.

Jidher li mhux ma kulħadd tintuża l-istess riga għax filwaqt li hemm min allegatament żbalja, tressaq il-Qorti u baqa’ miżmum il-ħabs bħal Sigmond Mifsud, l-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra, li ftit tal-jiem ilu ġie mixli li pprova jbagħbas il-provi fuq każ ta’ fastidju sesswali, għal tliet ħaddiema tal-Ministeru, kollox huwa “business as usual”.

It-tliet ħaddiema huma Joseph Cutajar ta’ 43 sena mir-Rabat, direttur ta’ EcoGozo; Vicky Xuereb ta’ 43 sena mill-Munxar, id-direttur ġenerali tad-diviżjoni tal-istrateġija u l-appoġġ tal-ministeru; u Joseph Xuereb ta’ 54 sena mix-Xewkija, il-Manager tal-Ministeru għal Għawdex.

Huma tressqu quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana mixlijin li kkaġunaw il-mewt ta’ Carmel Attard, ħaddiem tal-manutenzjoni ta’ 52 sena mix-Xewkija li miet wara li s-saqaf ta’ toilet pubbliku fid-Dwejra, Għawdex, waqa’ fuqu hekk kif wettaq xogħlijiet ftit wara d-9am. fit-18 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet.

Huma ġew akkużati kemm fil-kapaċità personali tagħhom kif ukoll fir-rwol pubbliku li għandhom. Apparti l-akkuża ta’ omiċidju involontarju, li waħedha ġġib piena massima ta’ erba’ snin ħabs jew multa ta’ mhux aktar minn €11,646, it-tliet irġiel jinsabu akkużati bi ksur tal-Att dwar l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

It-tlieta wieġbu mhux ħatja u s-seduta li jmiss se ssir ix-xahar id-dieħel. L-istorja ġiet żvelata minn The Shift News. It-tlieta kienu akkużati x-xahar li għadda b’ċitazzjoni tal-qorti aktar milli taħt arrest, kif isir normalment. Dawn il-ħaddiema qed jirrappurtaw għax-xogħol bħallikieku ma nħarġux akkużi kriminali kontrihom.

Attard kien impjegat tal-Community Worker Scheme. Kien ċittadin attiv f’raħal twelidu, partikolarment fil-festi reliġjużi u l-festa ta’ San Ġwann Battista. It-tliet uffiċjali għolja tal-ministeru jinsabu akkużati li naqsu milli jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà xierqa ta’ Ħ’Attard tagħhom, li naqsu li jagħtuh taħriġ xieraq, li naqsu milli jagħmlu stima tar-riskju għas-saħħa u s-sigurtà u li naqsu milli jipprovdu tagħmir ta’ sigurtà.

L-akkużi ħarġu wara li inkjesta maġisterjali, li saret mill-Maġistrat Bridgette Sultana, ikkonkludiet li kien hemm negliġenza u li min iħaddem u s-superjuri diretti ta’ Ħ’Attard kellhom kawża kriminali x’iwieġbu.