Futbol Sport

Kampjonat tal-Veterani: Żejtun jibqgħu jirbħu filwaqt li MFPA jitilgħu weħidhom fit-tieni post

Żejtun Red Stars komplew jirbħu anke jekk sabu avversarju iebes f’Birkirkara St. Helen’s meta rnexxilhom jegħlbuhom 3-2.

Birkirkara marru darbtejn minn fuq għall-vantaġġ ta’ 2-1 iżda ż-Żwieten irnexxilhom jiskorjaw darbtejn biex dawru r-riżultat favur tagħhom.

Birkirkara marru minn fuq permezz ta’ Caludio Calleja biż-Żwieten iġibu d-draw b’gowl ta’ Nikolay Filipov. Callejja għaqqad dopjetta personali u reġa tefa’ lill-Karkariżi minn fuq iżda Gilbert Camilleri Lowell reġa ġab l-iskor indaqs. Filwaqt li l-logħba baqgħet waħda interessanti kienu Żejtun li skorjaw il-gowl li kellu jkun dak tar-rebħa permezz ta’ Noel Tabone.

It-tim tal-MFPA kisbu rebħa komda ta’ 5-1 kontra Gżira United biex wara t-telfa ta’ Birkirkara issa jinsabu weħidhom fit-tieni post.

Stephen Wellman u Michael Mifsud taw vantaġġ ta’ 2-0 lil MFPA b’Alex Muscat jerġa jdaħħal lill-Gżirjani fil-partita.

Dan il-gowl iżda ma tellifx mill-konċentrazzjoni tal-MFPA li skorjaw tliet darbiet oħra permezz ta’ dopjetta ta Ribic u gowl minn Carlo Mamo.

Pieta’ Hotspurs għelbu lil Rabat Veterans 6-3 f’logħba ferm movimentata.

Il-Hotspurs stabilixxew vantaġġ ta’ 3-0 permezz ta’ doppjetta ta’ Mario Crupi u gowl ieħor ta’ Lawrence Vella. Fabio Cauchi naqqas il-marġni tal-iskor għal Rabat.

Minkejja kollox, Jeffrey Chetcuti reġa’ skorja għal Pieta’ b’Justin Felice jerġa’ jnaqqas il-marġni tal-iskor għal Rabat.

Sunday Ikenchukwu skorja żewġ gowls oħra għal Pieta’ qabel ma’ Felice skorja t-tieni gowl personali sabiex jagħmel l-iskor finali 6-3.

F’logħba ferm bilanċjata, Luxol St Andrews u Żurrieq Wolves temmew il-konfront ta’ bejniethom fi dro ta’ 4-4.

Kien Michael Galea li poġġa lil Luxol minn fuq bi Clarence John Conger Thompson jiskorja doppjetta sabiex dawwar ir-riżultat favur it-tim tiegħu.

Andrew De Cesare u żewġ gowls ta’ Luke Satariano għamlu l-iskor 4-2 favur Luxol għalkemm il-Wolves ma ċedewx l-armi tant li ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Thompson u Steven Marc Sadowski.

VMFA Hyundai Premier League – KLASSIFIKA

Żejtun Red Stars 13, MFPA 12, Birkirkara St Helens 9, Pieta’ Hotspurs 7, Gżira United 6, Luxol St Andrews 5, Rabat Veterans 4, Żurrieq Wolves 1.