Lokali Saħħa

Leonid McKay jinħatar Chairman tal-ARUC minflok Mariella Dimech

Leonid McKay se jinħatar bħala Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis.  

Dan wara li Mariella Dimech, il-persuna li sa ftit tal-jiem ilu kienet qed tmexxi din l-Awtorità kellha l-kuntratt itterminat.

Fi stqarrija Dimech sostniet li hi kienet qed tipprova taħdem bla budget, bla staff u mingħajr uffiċċju. Fi kliem sempliċi, il-Gvern ma alloka ebda riżorsi għal din l-awtorità, wara li qabad u daħħal b’għaġla l-Liġi tal-Kannabis qabel l-elezzjoni ġenerali.

Leonid McKay għandu esperjenza ta’ tmexxija ta’ awtoritajiet pubbliċi u ħadem għal snin twal fis-settur soċjali. McKay gradwa fis-Soċjoloġija u fil-politika soċjali f’livell ta’ Masters. Hu ħadem għal tnax-il sena fi ħdan is-servizzi differenti ta’ Caritas Malta qabel ma nħatar Direttur fl-2014. 

Fl-2018 huwa nħatar Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar fejn ħadem biex saħħaħ is-servizzi mogħtija, filwaqt li tnedew numru ta’ skemi ġodda u bdew jitħaddmu riformi li kienu ilhom mistennija snin u li provdew assistenza lil eluf ta’ persuni.